Filmat: €10 miljun għar-restawr f’sala fil-Palazz tal-President

Is-Sala tal-Arazzi, fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta, magħrufa wkoll bħala l-kamra fejn kien jitlaqa’ l-Parlament Malti se tkun qed tara restawr mall-parti li tmiss mas-saqaf madwar il-kamra kollha. Dan b’investiment ta’ €10 miljun.

Din hija magħmula minn affreski li jagħtu dehra tal-Assedju l-Kbir impinġija mill-pittur  Matteo Perez d’Aleccio.

Fost dibattitu storiku ta’ jekk dawn it-tpinġijiet humiex ritratt ta’ dak li fil-fatt seħħ fl-Assedju l-Kbir jew għandhomx aspetti li ħerġin mill-immaġinazzjoni tal-artist, Heritage Malta flimkien mad-Dipartiment tal-Konservazzjoni u l-Wirt Mibni ħadet l-inizjattiva biex jaraw li dawn l-affreski jiġu restawrati.

Newsbook.com.mt tkellem maċ-ċermen ta’ Heritage Malta Dr Anton Refalo li qalilna li dawn l-affreski huma ta’ valur kbir u dan il-proġett juri l-interess li hemm sabiex jitranġa l-patrimonju Malti li sostna huwa kbir.

Spjega li dan il-proġett se jiġi sponsorjat min Gasan Foundation u €10 miljun minn fondi tal-Ewropea. L- €10 miljun huma importanti għax mill-Gwerra sar ftit li xejn restawr ta’ dan il-palazz.

Spjega li €5 miljun se jintużaw fuq ir-restawr, filwaqt li l-5 miljuni l-oħra se jiġu investiti sabiex l-armerija terġa’ tmur lura fil-post fejn kien hemm il-Parlament, sabiex ikun hemm Interpretation Centre, biex jinfetħu kmamar li huma magħluqin, isiru rappreżentazzjonijiet tal-ħajja tal-Gran Mastri u biex bħala post isir aktar aċċessibbli.

Il-proġett se jkun imqassam fuq tliet snin u se jkun qed jitkompla x-xogħol ta’ restawr li kienet bdiet l-Università ta’ Dresden.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca sostniet li l-proġett imniedi huwa ċelebrazzjoni kemm tal-wirt storiku u kulturali tal-pajjiż, ċelebrazzjoni ta’ kollaborazzjoni u wkoll ċelebrazzjoni tal-identità tal-pajjiż.