Filmat: Pitirross iżejjen il-faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru

Għal sena oħra, l-istudenti tal-MCAST biddlu l-faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru f’liżar taċ-ċinema u din is-sena Pitu l-Pitirross huwa l-protagonist.
Pitu l-Pitirross kien qed jivjaġġa lejn il-Mediterran meta lemaħ gżira ċkejkna li jisimha Malta.
Huwa nnota lil dawk li jgħixu fuq din il-gżira kif kienu qed jarmaw it-toroq u d-djar tagħhom b’kull xorta ta’ armar tal-Milied.
Wara li dar Malta kollha, jgħin fit-tiżjin tal-Milied u jipprova jsib fejn joqgħod, iddeċieda li jgħaddi l-Milied fil-Palazz.
Dan l-ispettakklu awdjoviżwali sar attività annwali u jsir b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Institut tal-Arti Kreattiva fi ħdan l-MCAST.
Il-preżentazzjoni awdjoviżwali bdiet ilbieraħ u tibqa’ sejra sat-30 ta’ Diċembru. Tibda mis-6pm ‘il quddiem kull nofsiegħa.
Waqt iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali li jilqgħu s-sena d-dieħla, ftit qabel it-tokki ta’ nofsilejl, issir preżentazzjoni oħra.
Għall-inawgurazzjoni tal-bieraħ kien hemm preżenti l-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef u s-Segretarju Parlamentari għall-Valletta 2018, Deo Debattista.