Aġġornata: Filmat: Tiħrax il-gwerra bil-kliem bejn Pierre Portelli u Karol Aquilina

Il-gwerra bil-kliem bejn Pierre Portelli, eks Kap tal-media tal-PN u l-MP Karol Aquilina kompliet tiħrax waqt li fid-Dar Ċentrali tal-PN għaddejja laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN.

F’post fuq Facebook ftit tal-ħin ilu Portelli qal li Karol Aquilina “għandu xi jwieġeb iżda kollox f’ħinu.”

Portelli kien qed iwieġeb għall-kumment ta’ Aquilina li huwa “ħabib personali” ma’ Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black. Dan wara li Portelli rrefera għal Aquilina fuq Facebook u qal li dan tal-aħħar ma staħax ikun preżenti fil-Qorti mal-blogger Manuel Delia waqt kawża miftuħa kontra NET Television.

Portelli qal li Karol Aquilina ilu jipprova jagħti din “l-istorja fabrikata lil diversi newsrooms iżda wara li xhur ilu jien tajt dettalji dwar relazzjoni professjonali li dejjem kelli mal-Grupp Tumas l-ebda newsroom ma ħasset li kellha tippublikha.”

Huwa żied jgħid li wara li Aquilina ħareġ din l-istorja għax deher fil-Qorti ma’ Manuel Delia li, skont Portelli, “ta’ kuljum jikteb kontra l-PN u wasal biex anke daħħal lil Net TV l-qorti.’ Portelli qal li meta Aquilina kien president tal-Kunsill Amministrattiv “il-PN inqabad jieħu flejjes minn kuntratturi u l-partit għadu sal-lum jissielet biex inaddaf ismu quddiem il-Kummissjoni Elettorali.”

Portelli qal li hu kien il-ġurnalist li ippubblika u ħa ghand il-maġistrat siltiet minn rapport tal-FIAU li fihom gie kkonfermat l-eżistenza ta’ 17 Black.

Aquilina ikkritika lil Portelli mal-ġurnalisti quddiem id-Dar Ċentrali tal-PN qabel il-laqgħa tal-grupp parlamentari tal-partit tiegħu. Hu ddeskriva l-kumpanija 17 Black bħala waħda “korrotta”.

X’intqal fuq il-midja soċjali?

Dalgħodu fil-qorti kompliet il-kawża li għamel Manuel Delia (Ex Arriva) kontra Net Television. Ma Manuel Delia fl-awla kien hemm id-Deputat 'Nazzjonalista' Karol Aquilina. #noshame

Posted by Pierre Portelli on Tuesday, June 18, 2019

Karol Aquilina ilu jipprova jaghti din l-istorja fabrikata lil diversi newsrooms izda wara li xhur ilu jien tajt…

Posted by Pierre Portelli on Tuesday, June 18, 2019

Aquilina qal li kien qiegħed fil-Qorti ma’ Delia li huwa l-klijent tiegħu. Qal li ma kienx qiegħed ikellem lill-Ministru Konrad Mizzi li kellu l-kumpaniji fil-Panama.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar ir-riżenja ta’ Pierre Portelli, Delia qal li l-mistoqsijiet dwar ir-raġuni għar-riżenja għandhom jiġu indirizzati lil Portelli. Qal li issa Portelli għandu “aktar libertà” li jitkellem.

Ftit wara l-aħħar laqgħa Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Pierre Portelli ħabbar fuq il-midja soċjali li rriżenja mill-irwol tiegħu bħala Kap tal-midja tal-PN.

Jirreżenja Pierre Portelli

Illum, mistoqsi dwar jekk hux se jirreżenja, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal “le”.

Filmat: ’Se tirreżenja Delia?’; “Le”

Filmat: Monique Agius