Filmat: Picasso u l-Minotawr

Meta l-Kubiżmu kien fl-aqwa tiegħu, Pablo Picasso kien preveda li l-artisti għandhom joqtlu l-arti moderna, u allura lilhominfushom jekk iridu jibqgħu joħolqu l-ġdid. 
Din it-tensjoni għal interpretazzjoni dejjem innovattiva wasslet lil Picasso biex jirfina u, fl-aħħar mill-aħħar isir mgħallem ta’ ħiliet differenti fl-arti. Dan ta wkoll il-kapaċità lil Picasso biex, bħal farfett, jgħaddi minn fjura għal oħra ta’ stili differenti: Kubiżmu, Klassiku, figurattiv u monumentali. 
Iżda ma kienx waħdu li kien qed jagħmel din it-tfittxija. Influwenzat mill-kittieb Cocteau, Picasso, Dali, Miró, Braque u oħrajn bdew tfittxija lejn espressjoni ġdida ta’ dak li huwa tradizzjonali u klassiku. Tfittxija mimlija passjoni u kuluri iżda mnebbħa minn spirtu ta’ era ta’ skopertà u għarfien tal-kapaċitajiet tal-bniedem. 
Picasso kien bniedem li dejjem fittex li jevita r-ripetizzjoni. Allura, meta tara serje ta’ inċiżjonijiet li fihom tema rikorrenti, fil rouge, tal-użu tax-xbieha tal-Minotawr, ikollok bilfors tieqaf tistaqsi għala. Il-minotawr, nofs bniedem u nofs barri, kien qisu reċipjent b’żewġ passjonijiet: ġentili bħal bniedem imma wkoll vjolenti bħal barri. 
Ir-riċerkatriċi Giulia Privitelli spjegat lil Sylvana Debono x’hemm wara dan il-fil ta’ ħsieb tal-artist.