Aġġornata: Fi ftit sigħat 1,200 student jiffirmaw il-petizzjoni tal-KSU

F’anqas minn 4 sigħat aktar 1,200 student iffirmaw il-petizzjoni sabiex jiġu ppublikati r-riżultati tal-eżamijiet tal-aħħar tas-sena. 
Fi stqarrija l-Kunsill Studenti Universitarji ħabbar ukoll li jekk ir-riżultati mhux se joħorġu sal-aħħar ta’ dan ix-xahar se jkun qed jorganizza rally għall-istudenti.
Il-KSU qal li ddiskuta s-sitwazzjoni tar-riżultati tal-eżamijiet ta’ Ġunju mal-Università ta’ Malta, l-UMASA, l-MUT, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, il-Ministeru tal-Finanzi, u l-PACBU, iżda kollox “waqa’ fuq widnejn torox.”
Il-Kunsill spjega li ma ngħatax informazzjoni relevanti dwar in-negozjati min-naħa tal-Gvern. Żied li minkejja li “l-Gvern kiteb biex jissimpatizza mal-istudenti, sfortunatement mhux jaġixxi b’mod kredibbli fuq is-sitwazzjoni.”
Il-KSU qal li l-ilmenti min-naħa tal-istudenti u l-ġenituri żdiedu ħafna, dan għax ir-riperkussjonijiet ta’ dan id-dewmien qed jiżdiedu kuljum għax l-istudenti ma jistgħux jippjanaw x’se jagħmlu fix-xhur li ġejjin.
L-istqarrija żżid li jekk is-settur tal-edukazzjoni terzjarja huwa verament importanti għall-Gvern, il-Ministeri kkonċernati għandhom jagħmlu minn kollox biex isolvu l-problema fi żmien qasir “minflok jipposponu t-taħdidiet.”
Biex tiffirma l-petizzjoni tista' tagħfas hawn.

Bla marki l-istudenti se jibqgħu spettaturi biss – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li t-tmexxija ħażina tal-Prim Ministru u tal-Ministru tal-Edukazzjoni se twassal biex dawk li ma jgħaddux mill-eżamijiet, se jkollhom ftit żmien biex jistudjaw għar-resits, filwaqt li oħrajn jirriskjaw li ma jkunux jistgħu japplikaw għal korsijiet barra minn Malta.
Il-PN qal li qabel l-elezzjoni, Joseph Muscat ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikunu protagonisti, iżda “bla marki, l-istudenti spettaturi biss jistgħu jibqgħu.”
L-istqarrija żżid li Muscat sab €100 miljun għall-kabinett iżda mhux isib €8 miljun għall-letturi fl-Università u l-Junior College. Il-PN ikkundanna wkoll lill-Gvern li ma bagħat lil ħadd għal-laqgħa biex jintlaħaq ftehim dwar il-kwistjoni.
Fl-aħħarnett il-Partit Nazzjonalista wera solidarjetà mal-istudenti u ngħaqad magħhom f’appell biex tinstab soluzzjoni malajr.