Filmat: “Persuna jaf ma tkunx konxja ta’ kemm tkun razzista” – Dr Grech

Read in English.

Dr Paulann Grech, lettura fid-Dipartiment tas-Saħħa Mentali fl-Università ta’ Malta spjegat ma’ Newsbook.com.mt, li persuna jaf ma tkunx konxja ta’ kemm tkun razzista. 

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Dr Grech iddiskutiet kwistjonijiet ta’ saħħa mentali u nies li għandhom imġiba razzista. Fissret li persuna tista’ “tkun delużiva” u ffokata fuq il-ħarsien tal-grupp tagħha stess, filwaqt li fl-istess ħin teskludi lil dawk li huma differenti jew jaħsbu b’mod differenti.

Dr Grech irrimarkat li sfortunatament, ħafna drabi naraw nies jużaw kliem degredantii kontra nies ta’ kulur u immigranti. Dan il-lingwaġġ estrem li huwa użat spiss, jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet aktar serji, żiedet tgħid.

“Nies li jidħlu f’diskors u atti razzisti jeħtieġu għajnuna huma stess”, stqarret Dr Grech.

Hija spjegat li meta nitkellmu dwar xenofobija, hemm elementi ta’ ansjetà u biża’. Irrimarkat li r-razziżmu jista’ għalhekk ikun l-esternalizzazzjoni ta’ din l-ansjetà. Dr Grech spjegat diversi fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għal dan is-sentiment ta’ ansjetà, bħal meta wieħed jibża’ minn bidla fl-irwoli soċjali.

Hemm diversi trattamenti għall-ansjetà li mhux neċessarjament jeħtieġu li tordna mediċina, qalet Dr Grech. Hija żiedet li jista’ jkun diffiċli li wieħed jammetti li huwa razzist, iżda wieħed jista’ jara s-sinjali li juru li hija meħtieġa għajnuna professjonali.

Skont Dr Grech, persuna li tesperjenza ansjetà bħal din tgħaddi minn ħames stadji differenti, li jistgħu jgħixu f’sitwazzjoni fejn persuna tieħu sehem f’azzjonijiet “radikali u krudili”:

  1. Persuna l-ewwel tfittex li tiġġustifika l-azzjonijiet tagħha billi tiltaqa’ ma’ nies li jaħsbuha l-istess. 
  2. Il-persuna teskludi lil kull min huwa differenti miċ-ċirku jew il-bużżieqa tagħha. 
  3. Trattament sew tal-grupp stess u tikseb ir-rispett tagħhom. 
  4. Meta l-persuna titlef l-empatija
  5. Il-persuna tirrikorri għal azzjonijiet estremi u krudili. 

11-il persuna mressqa l-Qorti fuq diskors ta’ mibegħda fl-2019

11-il persuna ġew imħarrka għal diskors ta’ mibegħda fl-2019, meta mqabbel ma’ erba’ u tliet individwi fl-2018 u fl-2017, rispettivament. Din l-informazzjoni ġiet imressqa fil-Parlament mill-Ministru għall-Affarijiet Interni Byron Camilleri fi tweġiba għal mistoqsija tad-Deputat tal-Oppożizzjoni Mario Galea.

Bejn Jannar u Awwissu 2019, il-Pulizija rċeviet 21 rapport dwar inċidenti b’motivi razzjali.

F’April tal-2019, Lassana Cisse, ċittadin Ivorjan, inqatel, u żewġ immigranti oħra sofrew ġrieħi wara li sfaw vittmi ta’ sparatura minn ġo karozza fi Triq il-Ġebel, Ħal Far. Il-qtil huwa maħsub li huwa l-ewwel qtil razzista f’Malta. Żewġ suldati ġew akkużati b’rabta mal-qtil.