Filmat: Peppi, Brian u Marica jaqblu mat-tobba Maltin dwar l-immigranti?

Il-programm Newsbook Hour li jixxandar fuq 103 u Newsbook.com.mt, illum iddiskuta l-kriżi tal-immigrazzjoni.

Mistoqsi dwar l-ittra li 500 professjonist tas-saħħa li bagħtu lill-PM jgħidulu li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 qed tintuża bħala skuża biex ma jidħlux l-immigranti, Brain Hansford qal li ma jaqbilx mar-raġunament tagħhom.

Huwa qal li ma rax il-lista tat-tobba iżda fl-istess waqt qal li numru minnhom huma tobba barranin li jgħixu Malta.

Dwar l-għadd ta’ immigranti li daħlu fil-Ġermanja, Brian Hansford qal li Merkel kellha l-akbar rivoluzzjoni fil-Ġermanja kontra l-immigrazzjoni fosthom protesti kbar li damu għaddejjin ix-xhur. Huwa saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha tara li jkun hemm id-demokrazija fil-pajjiżi Afrikani biex ikun hemm governanza ħalli ma jkunx hemm immigranti ġejjin lejn l-Ewropa.

“Ngħinuhom anke jekk vittmi tat-traffikanti” – Peppi Azzopardi

Fil-programm Newsbook Hour, Brian Hansford qal li t-tort għandu jintefa’ fuq l-għaqdiet li jgħinuhom jitilqu mil-Libja għax qal li kieku ma jitilqux ma jiġux f’sitwazzjoni li jegħrqu fil-baħar. Għal dan il-kumment Peppi Azzopardi rreġixxa billi qabbel is-sitwazzjoni tal-imigrazzjoni ma’ persuni bi problema tad-droga.

Fl-istess programm immexxi minn Fr Joe Borg, Peppi Azzopardi qal li persuni vulnerabbli jirċievu l-għajnuna anke jekk dawn ikunu vittmi tat-traffikanti tad-droga. Peppi Azzopardi qal li fl-istess ċirkostanza għandna ngħinu lill-immigranti anki jekk huma persuni vulnerabbli li waqgħu taħt il-ħakma tat-traffikanti.

Dwar dan tkellmet ukoll Marica Cassar. Hija qalet li għalkemm qed titkellem fil-kapaċità tagħha personali hija wkoll taħdem ma’ Caritas Malta. Spjegat li fis-silenzju, il-Knisja ilha żżomm persuni li jkunu ġew Malta minħabba l-gwerer f’pajjiżhom. Hija semmiet il-ħidma tal-Monsinjur Vella li jmexxi l-Kummissjoni Emigranti.

Saħqet li l-Knisja la kienet u lanqas mhija gallarija filwaqt li semmiet l-inizjattiva tal-Caritas li ssajjar ikliet għal min m’għandux biex isajjar. Spjegat li f’din l-inizjattiva l-Caritas ma tagħmilx distinzjoni bejn persuni li ġew b’mod irregolari f’Malta u persuni Maltin.

“Pulizija għal min joqtol u għal min isalva le” – Peppi Azzopardi

Peppi Azzopardi qal li l-Gvern sab Pulizija u suldati biex jissorveljaw lill-kaċċaturi iżda ma nstabux riżorsi biex jiġu salvati l-ħajjiet mill-baħar.

Fil-programm Newsbook Hour, Peppi Azzopardi tkellem dwar l-esperjenza li għadda minnha din il-ġimgħa fejn irċieva għadd ta’ theddid minħabba l-proposta li għamel biex il-Maltin jilqgħu lill-immigranti f’darhom. Huwa qal li rċieva dan it-thedid b’kull mod immaġinabbli u semma imejls u telefonati li rċieva. Stqarr li iktar ma jagħmlu hekk in-nies iktar se jsaħħaħ fehmtu li jiddefendi lil dawn il-persuni vulnerabbli bħalma huma l-immigranti.

Peppi Azzopardi qal li hemm persuni li offrew id-djar tagħhom biex jilqgħu għandhom l-immigranti. Dwar dan huwa qal li lest jippubblika l-informazzjoni dalwaqt.

Huwa ċċara l-fatti dwar il-proposta li għamel għax qal li l-istess proposta għamilha sena ilu biex il-Maltin jibdew jintegraw lill-immigranti fis-soċjetà fejn hu kien ukoll żamm għandu persuni għal aktar minn sena fid-dar tiegħu u ta’ martu.

Huwa stqarr mhux jiddispjaċih li mhux f’pożizzjoni li jmur isalvahom hu.

“Il-PM tħalla waħdu” – Marica Cassar

Waqt l-istess programm, Marica Cassar qalet li jiddispjaċiha għall-Prim Ministru Malti Robert Abela għaliex tħalla waħdu fis-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni. Hija spjegat li dan minħabba li hemm responsabbiltà minn pajjiżi oħra li ma għenux lil Malta.

Hija stqarret ukoll li hija totalment kontra li persuni jitħallew imutu fil-baħar għax hija favur il-ħajja f’kull ċirkostanza.

Marica Cassar irrikonoxxiet li hawn rabja kbira fost in-nies. Stqarret iżda li minflok inrawmu sentimenti razzisti, ir-rabja għandha tiġi direzzjonata lejn il-pajjiżi li abdikaw mir-responsabbiltà tagħhom u mhumiex juru solidarjetà ma’ Malta.

Lejn l-aħħar tal-programm Marica Cassar qalet li kulħadd għandu juri u jesprimi l-fehmiet tiegħu. Hija għalhekk awgurat lil Newsbook.com.mt għall-pjattaforma tal-programm Newsbook Hour li offra spazju għal diskussjoni ċivili dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni.