Filmat: Pazjent b’marda infettiva evakwat f’Malta waqt taħriġ

Dalgħodu, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien hemm attività kemmxejn differenti minn dik tas-soltu.
Dan wara li pazjent, li taparsi kien marid b’marda infettiva, iddaħħal f’Malta, bħala parti minn eżerċizzju ta’ taħriġ bl-isem ta' KMIDHC01, għal meta jkun hemm xi emerġenza marbuta ma’ saħħa.
Il-konsulent tal-Infectious Control Unit, Dr Michael Spiteri, spjega kif dawn it-tip ta’ eżerċizzji jgħinu sabiex l-ajruport ikun ippreparat għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza simili għal dak ta’ llum.
Il-mara, li taparsi kellha marda infettiva, iddaħħlet Malta fl-10am mit-Tuneżija.
Is-sintomi tagħha urew li kienu ta’ grad 4 u li kellha xi dmija wkoll. Dan ifisser li din il-mara seta’ jkollha l-Ebola.
Il-pazjenta tniżżlet u l-arja ta’ madwarha ġiet diżinfettata l-ħin kollu.
Wara li ġiet studjata kull possibilità ta’ infezzjoni, il-kumplament tal-passiġġiera l-oħra wkoll ġew iċċekkjati, speċjalment dawk li kienu l-aktar viċin tal-pazjent.
F'ċirkustanzi bħal dawn, il-membri li jkunu xogħol waqt it-titjira għandhom jinfurmaw lid-dipartiment tal-emerġenza ta’ Mater Dei.
Ilbieraħ il-pubbliku kien infurmat b’dan it-tħarriġ biex b’hekk ma jallarmax ruħu waqt din l-attività.

Filmat: Reel8 Productions