Filmat: Pawża mill-attivitajiet politiċi tal-PN tal-Ħadd għas-sajf – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li għalissa mhux se jkun hemm attivitajiet ta’ nhar ta’ Ħadd għal ftit żmien ta’ pawża minnhom. Hu qal dan hu u jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar għaliex l-attivitajiet tradizzjonali ta’ kull nhar ta’ Ħadd tal-Partit mhumiex isiru.

Dan wara li l-PN daħal fit-tielet ġimgħa tiegħu mingħajr il-messaġġ tal-Kap, wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista kompla b’dawn l-attivitajiet ta’ kull ġimgħa, permezz ta’ intervista mal-Mexxej Joseph Muscat.

Aqra: Grupp Parlamentari PN: “Laqgħa tajba u kostruttiva”; “inkonklussiva”

Delia spjega li wara l-kampanja elettorali, in-nies kienu ilhom jisimgħu l-istess ħaġa, u qal li jaħseb li l-elettorat issa qed jistenna biex jisma’ b’affarijiet ġodda minflok diskors partiġġjan tqil. Qal li l-idea hi li jkun hemm pawża qasira, u mbagħad fuq l-aġenda jkun hemm kwistjonijiet li qed jolqtu lin-nies.

Aqra: Petizzjoni PN: ‘Ħarġu l-ismijiet ta’ min iffirma biex jintimidaw’

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed jiltaqa’ fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà llum.

Il-firem fil-petizzjoni ppubblikati mit-Torċa

Meta mistoqsi dwar xi informazzjoni li jaf waslet għal widnejn il-gazzetta tal-General Workers’ Union (GWU), It-Torċa, Delia qal li ma setax jifhem kif saret din l-allegazzjoni meta l-petizzjonijiet kienu qegħdin iduru b’ħafna nies involuti. Delia żied jgħid li hemm ħafna nies involuti fil-mod kif jaħdmu l-petizzjonijiet, u b’hekk ċaħad kull tip ta’ ksur ta’ għoti ta’ informazzjoni.

Petizzjoni PN: ‘Ħarġu l-ismijiet ta’ min iffirma biex jintimidaw’

Il-Ħadd li għadda, l-eks President tal-Kumitat Eżekuttiv Mark Anthony Sammut qal li kull karta tal-petizzjoni kellha 10 firem u li Ivan Bartolo biss kellu aċċess għal-lista sħiħa. Sammut, flimkien ma’ erba’ kunsilliera tal-PN oħra, ippreżenta petizzjoni li titlob lill-Kunsill Ġenerali jiddibatti t-tmexxija ta’ Delia. Il-petizzjoni titlob għal vot sigriet dwar jekk Delia għandux jerfa’ r-responsabbiltà għat-telfiet elettorali.