Filmat: Patrijott Malti mhux magħruf imfakkar fi ktieb

Mitt sena ilu l-ilsien Malti kiseb id-dritt li jitlissen waqt id-dibattiti fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.  Ma kinetx ħaġa faċli fi żmenijiet meta l-Malti kien jitqies bħala l-lingwa tal-kċina u l-pajjiż kien ilu żmien mifni bil-kustjoni tal-lingwa. Bosta kienu dawk li taw sehemhom biex l-ilsien li bih jitkellem il-ġens Malti jikseb il-ġieħ li jistħoqqlu.  Fost dawn kien hemm ħaddiem tat-tarzna – Antonio Nicholas – li minbarra l-ħidma tiegħu b’risq il-ġid tal-ħaddiema f’oqsma bħat-trejdunjoniżmu u l-politika, kien strumentali biex l-ilsien Malti jintuża fl-ewwel Parlament Malti taħt gvern awtonomu fl-1921.

Ktieb tal-awtur Alfred Ellul Galea – ANTONIO NICHOLAS  Difensur tal-Ilsien Malti u l-Klassi tal-Ħaddiema jitfa’ dawl fuq il-ħajja ta’ dal-patrijott ftit li xejn magħruf u minsi mill-ġenerazzjoni tallum.  Il-ktieb tnieda l-Ġimgħa 23 ta’ Ottubru mill-Onor. Dr Anġlu Farrugia, Speaker tal-Kamra tad-Deputati fil-każin tas-Soċjetà Filarmonika G.M. Fra Antoine De Paule Banda Kristu Re ta’ Raħal Ġdid. Dakinhar ukoll l-Ispeaker fetaħ uffiċjalment wirja dwar Antonio Nicholas fis-sala tal-istess każin imtella’ min-neputi ta’ Nicholas il-Kav. Vincent Attard.  

Fi żmien Nicholas it-trejdunjoniżmu kien għadu ma stabilixxix ruħu kif nafuh illum.  Għaldaqstant hu ssieħeb fix-Xirka tal-Imdawlin ta’ Manwel Dimech sa mit-twaqqif tagħha u kien wieħed fost il-ħaddiema tat-tarzna li ġie arrestat l-għada li Dimech ġie arrestat.  Aktar tard hu ssieħeb fl-Imperial Government Workers’ Union imwaqqfa minn Henry B. Ahar (Ear) u wara fl-unjon tal-Workers’ Branch Nru 3. Ma’ dawn hu żewweġ il-ħidma politika tiegħu billi ssieħeb fil-Partit tal-Ħaddiema fl-ewwel snin tat-twaqqif tiegħu mitt sena ilu fejn kien membru tal-Kumitat Ġenerali ta’ dal-partit politiku.  Bil-kitba regulari tiegħu fil-ġurnali Il Hmar u Il Hmara huwa kien ta’ għajnuna għal sħabu l-ħaddiema, bil-kontribuzzjonijiet tiegħu f’dal-ġurnali dejjem jidhru taħt il-psewdonimu ‘Nick Carter’.

Il-ktieb imiss ukoll ġrajjiet li seħħew f’pajjiżna matul il-ħajja ta’ ftit aktar minn nofs seklu li matulha għex dal-patrijott Malti. Bħal dik tas-Sette Giugno 1919, kif ukoll żmenijiet diffiċli oħra, bħal waqt il-pandemiji tal-kolera u l-Ispanjola, flimkien mal-faqar u l-miżerja li għaddiet minnha l-popolazzjoni matul l-ewwel gwerra dinjija. Il-qarrej ikun jista’ jaqra wkoll dwar is-sehem ta’ Nicholas fil-bini tal-akbar tempju fil-gżejjer Maltin – il-knisja parrokkjali ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.  Qasam ieħor ttrattat f’dal-ktieb hu s-sehem tal-każini tal-baned fil-qasam politiku. Għax kien hemm żmien meta kienet ħaġa normali li l-baned jappoġġjaw politiku ta’ partit jew ieħor sakemm, aktar ’il quddiem bdew jinqatgħu bil-mod il-mod. Taqsima oħra tal-ktieb tirreferi għall-ħidma li Nicholas wettaq tul id-darbtejn li huwa kien fit-tmun tas-Soċjetà Filarmonika G.M. Fra Antonio di Paula ta’ Raħal Ġdid.   

Il-ħajja ta’ dal-patrijott Malti mill-Isla kienet imżewqa b’imħabbiet oħra bħat-teatru, il-filatelija u l-korrispondenza ma’ persunaġġi  ta’ fama barranin. Iżda fost dat-talenti tispikka l-imħabba tiegħu b’risq il-mixi ’l quddiem ta’ ħutu l-ħaddiema u l-ilsien Malti.  Għall-ġest nobbli u disinteressat tiegħu fl-Assemblea tal-1919, il-President tal-Assemblea Nazzjonali t-tabib Filippu Sciberras u s-Segretarju l-avukat Nerik Mizzi ma kellhomx għajr kliem ta’ tifħir u qala’ l-applaws ta’ ħafna mid-delegati preżenti.  Dakinhar  fis-26 ta’ Awwissu tal-1920, Nicholas ma obdiex mandat impost fuqu u ż-żewġ delegati l-oħra mill-kumitat tal-għaqda filarmonika G.M. Fra Antonio di Paula, li tagħha kien president, sabiex joħorġu mill-awla kemm-il darba s-suġġett tal-ilsien Malti jitqajjem fl-Assemblea. Dil-kundizzjoni li l-kumitat rabat biha lil Nicholas saret minħabba li dawk kontra l-użu tal-Malti fil-Parlment kienu f’maġġoranza fl-Assemblea Nazzjonali.  Iżda bis-saħħa ta’ Nicholas u delegati oħra, l-ilsien Malti kiseb l-ewwel rebħa fit-triq twila li kellha twassal għal għarfien uffiċjali u altar tard nazzjonali. Li kieku Nicholas u ż-żewġ delegati l-oħra tal-każin ħarġu mill-awla tal-Assemblea Nazzjonali u ma vvutawx, il-Malti ma kienx ikun jista’ jiġi mitkellem fl-Assemblea Leġislattiva.  Bis-saħħa tal-aġir ta’ Nicholas ir-riżultat dwar l-ilsien Malti fl-abbozz tal-kostituzzjoni l-ġdida tal-1921 ġie jaqra 62 favur u 60 kontra li lsienna seta jiġi mitkellem mid-deputati fl-ewwel Assemblea Leġislattiva  taħt gvern awtonomu, flimkien mat-Taljan u l-Ingliż.

Interessanti d-diskors imqanqal u patrijottiku li għamel Nicholas nhar is-26 ta’ Awwissu tal-1920 fl-Assemblea Nazzjonali meta l-Malti kiseb l-ewwel rebħa fit-triq twila li kellha twasslu għal għarfien bħala lsien uffiċjali flimkien mal-Ingliż fl-1934 u nazzjonali ftit aktar minn 40 sena ilu.  Dakinhar dal-patrijott Malti saħaq li l-ħaddiem ma għandu ebda odju ta’ klassi u l-użu tal-Malti fil-Kamra tad-Deputati jkun jista’ jintuża minn dawk li forsi ma jkunux jistgħu jesprimu ruħhom sew fiż-żewġ lingwi l-oħra.     

Il-wirja dwar Antonio Nicholas tiffoka dwar ħajtu u ġrajjiet li seħħew tul ħajtu permezz ta’ għadd ta’ ritratti.  Il-wirja tinsab fis-sala ta’ fuq tas-Soċjeta’ Filarmonika Fra G.M. Antoine De Paule Banda Kristu Re u se ddum miftuħa mill-Ġimgħa 23 sal-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru. Il-ħinijiet ta’ matul il-ġimgħa huma mis-6.00 sat-8.00 p.m. u s-Sibt u l-Ħadd mill-10.00 a.m sa nofsinhar.

Il-ktieb Antonio Nicholas Difensur tal-Ilsien Malti u l-Klassi tal-Ħaddiema jinsab għall-bejgħ  mill-ħwienet tal-kotba ewlenin.