Filmat: Patri Aaron u Patri Philip: il-karozzi, studji u eżamijiet

Il-ħajja tal-Patrijiet tmur lil hinn mill-Quddies u l-kunvent. Ma’ Newsbook.com.mt Patri Aaron Zahra li għadu kemm irċieva l-Ordni Sagri rrakkonta għadd ta’ esperjenzi umoristiċi li kellu ma’ Patri Philip Mulryne, eks plejer tal-Manchester United.
Patri Aaron Zahra rrakkonta kif sentejn ilu meta hu u Fra Alan Adami telgħu l-Irlanda għall-formazzjoni, is-surmast tal-istudenti organizza hike għall-istudenti. Qal li flimkien mal-istudenti l-oħra, inkluż Patri Philip marru jitilgħu l-muntanji. Biss kulma rnexxielhom jitilgħu kienet muntanja waħda għajr Patri Philip li tela’ tlieta. B’daħka fuq wiċċu Patri Aaron qal li huma qatgħu qalbhom u kollha bdew jaqbdu ma’ Patri Philip li hu rnexxielu jitla’ għax hu bniedem sportiv u mħarreġ.
Il-ħajja tal-istudenti tinvolvi ħafna studju u stress tal-eżamijiet. Din il-ħajja, Patri Aaron u Patri Philip għexuha flimkien. B’nostalġija Patri Aaron jirrakkonta kif studjaw ħafna flimkien, fejn fost l-oħrajn ipprattikaw ħafna flimkien il-Quddies. Spjega li kien imur fil-kamra ta’ Patri Philip u flimkien kienu jipprattikaw il-Quddiesa.
L-istress ta’ ħafna studju għamel tiegħu wkoll u għalhekk għall-eżamijiet tal-finali ħadmu id f’id u għennu ħafna lil xulxin. Patri Aaron jirrakkonta kif għall-eżami tal-qrar, eżami orali ta’ siegħa u nofs, daħal qabel Patri Stephen u għalhekk wara mar jgħidlu x’ħareġ u fuq xiex għandu l-aktar jiffoka.
Bħal kull student ieħor il-kurżità ta’ x’se joħroġ fl-eżami għamlet tagħħha u għalhekk kienu marru għand l-aġent tal-istudji biex jgħinhom ftit u jagħtihom ħjiel ta’ x’jistgħu jistdjaw. Patri Aaron baqa’ jiftakar il-mod ta’ kif Patri Stephen kien mar jistaqsih bit-tbissima kbira.
Biss l-aktar storja li tibqa’ f’moħħ Patri Aaron kienet meta rikeb f’karozza ma’ Patri Philip. Huwa rrakkonta kif Patri Philip kien isuq għadd ta’ karozzi lussużi qabel daħal Patri u għalhekk kien imdorri jsuq b’veloċità qawwija. Spjega kien rikeb miegħu biex imorru għal ċerimonja ta’ għeluq ta’ kunvent. Qal li mat-triq il-karozza bdiet tagħmel riħa qawwija iżda minflok naqqas il-veloċità jew niżel jiċċekkja x’kellha Patri Philip saq b’aktar veloċità. Wara ċ-ċerimonja riedu jerġgħu jmorru lura l-kunvent u minkejja li Patri Philip qallu li se jsuqu bil-mod, Patri Philip reġa’ ħarab bil-karozza tant lis-surmast tilifhom mat-triq u beda jinkwieta. Patri Aaron spjega kif wara kellhom jieħdu l-karozza għand il-mekkanik u sab li l-karozza kien inħarqilha parti mill-magna.