Filmat: Passiġġiera lejn Malta jistgħu jintalbu jagħmlu swab test

Chris Fearne
Miguela Xuereb

Read in English.

Passiġġiera lejn Malta minn xi destinazzjonaijiet se jkunu qed jintalbu jagħmlu swab test jew jippreżentaw ċertifikat li kienu negattivi għall-coronavirus fl-48 siegħa ta’ qabel.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dawk li jkunu ġejjin minn xi pajjiżi jew ibliet meqjusa ta’ riskju għoli għall-coronavirus se jkollhom jippreżentaw ċertifikat li fit-48 siegħa ta’ qabel kienu negattivi. Dawk li ma jippreżentawx dan iċ-ċertifikat jistgħu jintagħżlu biex isirilhom swab test u jekk jirrifjutawh ikollhom joqogħdu fi kwarantina u joħorġu biss wara li jkunu għamlu s-swab test.

Il-Ministru Fearne ħabbar dan fuq l-istazzjon Nazzjonali fejn qal li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jaħdmu fuq il-loġistika ta’ dawn il-miżuri l-ġodda. Fearne spjega li din il-proċedura diġà ddaħħlet f’żewġ jew tliet pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u qal li jixtieq li Malta tkun minn tal-ewwel li tintroduċiha.

Filmat: TVM

Intant fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ħabbret li swab test bħal dawn jistgħu jsiru fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.

Il-ġimgħa li għaddiet huwa qal li jekk ikun loġistikament possibbli, Malta tkun tista’ tintroduċi Swab Tests għall-passiġġiera li jaslu Malta.

Illum ġew irreġistrati 49 każ ġdid ta’ coronavirus. It-total ta’ testijiet li ħarġu pożittivi mil-laboratorji kien ta’ 71 b’kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa tikkonferma li 22 test li rriżulta pożittiv kienu ta’ persuni li reġgħu rriżultaw pożittivi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn