Filmat: Partijiet perikolużi f’Monte Karmeli evakwati

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-partijiet perikolużi fl-Isptar Monte Karmeli ġew evakwati peress li s-soqfa ma kinux f’kundizzjoni tajba. Huwa insista li l-pazjenti huma f’ambjent sigur.

Dan qalu f’kummenti li għadda lill-ġurnalisti waqt żjara tiegħu u tas-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia fiċ-ċentru tas-saħħa reġjonali f’Raħal Ġdid li għadu qed jinbena. Dawn il-kummenti ġew wara rapporti fil-midja fuq il-kundizzjoni perikoluża ta’ xi swali f’Monte Karmeli. Dwar dan, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed jinjora lill-pazjenti waqt li jagħmel il-pjaċiri lin-nies ta’ ġewwa. Il-PN wiegħed li jkun hu l-vuċi ta’ dawk li jbatu bi problemi ta’ saħħa mentali.

“Il-Gvern iħaddem lil ta’ ġewwa; lill-pazjenti ta’ Monte Karmeli jħallihom ibatu” – PN

Il-Viċi Prim Ministru qal li n-nies f’2 swali ġew rilokati għal binja mikrija barra l-isptar peress li qegħdin isiru x-xogħlijiet fihom. Ix-xogħlijiet għandhom jitlestew sa 5 ġimgħat oħra, meta mbagħad jibdew jitranġaw swali oħrajn sabiex eventwalment ikun tranġa l-isptar kollu.

Filmat: Luke Zerafa