Filmat: “Parlament li jaħseb għal kollox imma mhux biex tbiddel ħarqa ta’ tarbija”

Matul ix-xhur tas-sajf, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Membri Parlamentari ġodda, fosthom Jean Pierre Debono, li ftit iktar minn ġimgħa ilu rriżenja minn MP, biex il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jkun jista’ jidħol fil-Parlament.
Fis-saga twila tal-aħħar ġimgħat, Jean Pierre Debono kien fiċ-ċentru tal-attenzjoni, hekk kif issemma kemm-il darba, waqt il-kampanja għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll wara li ntgħażel Adrian Delia u nqalgħet il-kwistjoni dwar min se jċedilu s-siġġu.
Ma’ Newsbook.com.mt, Debono kien enfasizza fost l-oħrajn dwar kif il-Parlament għandu bżonn li jibda jaħseb dwar il-familja, mhux biss f’sens ta’ ħinijiet, iżda anke bħala faċilitajiet.
Stqarr, kif lejla partikolari, kellu jmur bit-tifla ta’ sentejn u erba’ xhur il-Parlament, waqt li martu Kristy Debono, ukoll membru parlamentari kellha maratona ta’ voti.
Jean Pierre Debono saħaq li fil-Parlament m’hemm lanqas faċilità biex tbiddel ħarqa ta’ tarbija.  Semma wkoll miżuri oħra family friendly, bħal child care jew child minding fil-bini tal-Parlament.
Illum fil-Kamra tar-Rappreżentanti, fuq is-siġġu ta’ Jean Pierre Debono, se jkun hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li llum se jieħu l-ġurament ta’ Membru Parlamentari.  Nhar il-Ġimgħa, imbagħad, isir Kap tal-Oppożizzjoni. 
Filmat: Ian Noel Pace