Filmat: Papa Franġisku ‘jisraq’ mikrofonu biex ikellem lill-pellegrini

Kienu eluf in-nies li lbieraħ inġabru fi Pjazza San Pietru l-Vatikan biex flimkien ma' Papa Franġisku jitolbu biex jieqfu l-ġlied u l-kunfitti li għaddejjin bħalissa f’diversi pajjiżi tad-dinja, b’mod partikolari fis-Sirja.

Imma eżatt qabel ma bdiet il-velja ta’ talb, il-Papa ltaqa’ ma grupp ta’ pellegrini li nġabru wara waħda mill-gradi tal-Vatikan.

B’sorpriża kbira, il-Papa mar ħdejhom u biex ikellimhom u jkun ċert li l-messaġġ tiegħu jasal ċar għand kulħadd, ħataf il-mikrofonu tal-ġurnalista ta’ Canale 5, li dak il-ħin kienu qed jiffilmjaw lill-pellegrini.

Il-Papa rringrazzjahom talli aċċettaw l-istedina tiegħu u qalilhom li  “llum hi ġurnata sabiħa għax se nitolbu ħafna għall-paċi”.  Għal darb’oħra reġa’ ħeġġiġhom biex jibqgħu jitolbu t-talba tar-rużajru u anke biex jitolbu ħafna għalih.

Franġisku sellmilhom bi tbissima u ħallihom bil-frażi: “jekk ma nerġgħux niltaqgħu, nittama li nkunu flimkien fil-Purgatorju!”.