Filmat: Panama Papers: Mhux jien li ngħid min għandu jinkwieta – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhux hu l-persuna li tgħid min għandu jinkwieta jew le b’rabta mal-iskandlu tal-Panama Papers.

Ma’ Newsbook.com.mt Muscat qal li dak għandu jarawh l-investigaturi. Muscat kien mistoqsi dwar jekk għandhomx jinkwetaw iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri jew il-Ministru Konrad Mizzi. Muscat kien qal li t-tfal tiegħu kienu mħasba x’jiġri minnhom jekk hu jispiċċa l-ħabs b’rabta mal-kumpanija Egrant.

Il-Maġistrat Doreen Clarke reċentament sabet li mid-dokumenti preżentati fil-Qorti jista’ kien hemm reat u għalhekk ordnat inkjesta maġisterjali dwar Mizzi u Schembri. Hija ordnat li l-evidenza preżentata tgħaddi lill-Maġistrat Charmaine Galea biex tifforma parti mill-inkjesta dwar l-kumpanija 17 Black li hi bbażat f’Dubaj u s-sid tagħha huwa direttur tal-Electrogas Yorgen Fenech.

Awdjo: Hawn nies lesti jiġġieldu għall-verità – Busuttil

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar meta se jkun qed jirtira mill-kariga tiegħu, Muscat qal li bħalissa qed jiffoka fuq l-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju.

F’April għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk iddeċidiex meta se jitlaq mill-politika, il-Prim Ministru Joseph Muscat, minflok wieġeb, dawwar id-diskors. “Fi 30 sekonda oħra nitlaq”, qal Muscat, b’referenza għat-tluq tiegħu mill-post li kien għadu kif żar. Imbagħad hu warrab lill-ġurnalista u telaq mill-post.

Mistoqsi mill-ġurnalisti għar-reazzjoni tiegħu għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li l-elezzjonijiet ta’ Mejju kienu elezzjoni dwar l-abort, Muscat qal li Delia ra buttuna quddiemu tal-paniku u għafasha. Qal li din kienet “short term survival strategy”.

Delia wissa’ li l-elezzjoni li ġejja hija wkoll referendum dwar l-abort minħabba li s-Soċjalisti qiegħdin iwiegħdu l-għażla tal-abort lin-nisa Ewropej kollha. Hekk saħaq il-Kap Nazzjonalista fil-Mellieħa waqt li qal li n-nies bir-raġun isaqsu jekk dan hux referendum dwar l-abort u saħaq li hekk hu.

Filmat: Luke Zerafa