Filmat: Opinjoni għandha tibqa’ biss opinjoni

Professuri - Rachel Lowell

Nippreżentawlkom ħsieb u silta zgħira minn kanzunetta oħra finalista f’ L-Għanja tal-Poplu 2020. Professuri - Rachel Lowell (Emil Calleja Bayliss u Rachel Lowell, Philip Vella u Rachel Lowell).

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Tuesday, August 18, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Professuri

Kantanta: Rachel Lowell

Kliem: Emil Calleja Bayliss u Rachel Lowell

Mużika: Philip Vella u Rachel Lowell

Kulħadd donnu sar jifhem f’kollox. Kulħadd professur f’kull suġġett possibli. Litteralment f’kollox. Mill-mard infettiv, għal dak li jiktbu l-ġurnali, sa anke qlajjiet frivoli. Sabiħ li kulħadd għandu opinjoni, imma opinjoni għandha tibqa’ biss opinjoni. Sabiħ li niddiskutu għax b’hekk nibnu l-karattru tagħna u niffurmaw idea nfurmata imma tara l-kummenti fuq il-midja soċjali tibda taħseb li kulħadd espert. Minn tabib sa inġinier, minn bennej sa perit… insomma kull professjoni immaġinabbli! Dawk li joqogħdu paxxuti d-dar wara l-iskrin tal-kompjuter jikkummentaw huma esperti f’kollox u fuq kulħadd. Professuri.

Rachel Lowell. Ritratt: Joseph Agius Attard

Imwielda fil-25 ta’ Awwissu 2002, Rachel Lowell hija kantawtriċi minn Ħal Lija. Minn età żgħira, bdiet titħarreġ kemm fil-mużika kif ukoll fil-vuċi. Mill-2016 ’l hawn Rachel kellha ċ-ċans li tikkompeti fil-Malta Junior Eurovision Song Contest, f’L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ, f’L-Għanja tal-Poplu, fl-OGAE Fan Vision Song Contest kif ukoll fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza. Fl-aħħar tlett spettakli msemmija, hija klassifikat mal-ewwel tliet postijiet.

Proprju fis-sena 2020, Rachel ipparteċipat ukoll fl-ispettaklu annwali mtella’ minn Spiteri Lucas Entertainment, bi dwett mal-kantawtriċi stabbilita Debbie Scerri. F’L-Għanja tal-Poplu, hija se tinterpreta l-kanzunetta Professuri fuq kliem u mużika tagħha stess f’kollaborazzjoni ma’ Philip Vella u Emil Calleja Bayliss.

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.