Filmat: Open Arms jiċħdu l-offerta tal-Ispanjoli biex jieħdu l-immigranti

Read in English.

L-għaqda li topera l-bastiment li jsalva l-ħajjiet, Open Arms, ċaħdet l-offerta tal-Gvern Spanjol biex idaħħlu l-immigranti fil-port ta’ Algeciras. Open Arms ma qablitx li ddawwar ir-rotta biex minn Lampedusa jmorru b’aktar minn 100 immigrant lejn Spanja minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni abbord.

L-immigranti, li ħafna minnhom huma Afrikani, ġew salvati minn Open Arms ‘il barra mill-kosta Libjana fl-aħħar ħmistax u għal dawn l-aħħar ġranet kienu qed jistennew l-awtorizzazzjoni biex jiżbarkaw fil-gżira Taljana ta’ Lampedusa.

Id-Deputat Prim Ministru Taljan u Ministru għall-Intern Matteo Salvini ordna lill-uffiċċjali biex ma jħallux lil Open Arms jiżbarkaw iżda għamel konċessjoni biex ilbieraħ tħallew jinżlu l-art 27 minuri li kienu abbord. Salvini qal li għamel din il-konċessjoni fuq insistenza tal-Prim Ministru Giuseppe Conte.

Bastimenti bħal dawn li huma ffinanzjati mill-għaqdiet umanitarji għebu mill-Mediterran fl-aħħar sena minħabba li l-Gvernijiet ħadu passi aktar drastiċi kontrihom u anki minħabba li qed ikollhom iqattgħu żmien itwal bejn sema u ilma sakemm il-pajjiżi Ewropej jaċċettawhom.

Filmat: Open Arms

Aqra aktar: 

L-Open Arms jasal fl-ibħra territorjali Taljani; Tintalab evakwazzjoni medika

Qorti Taljana tissospendi d-digriet ta’ Salvini; Open Arms jitħalla jidħol fl-ibħra