Filmat: Open Arms: Immigrant jaqbeż il-baħar biex jipprova jgħum sal-art

Read in English.

Fid-19-il ġurnata abbord il-bastiment ta’ salvataġġ Open Arms, il-paniku u t-tensjoni komplew jiżdiedu fost l-immigranti, tant li wieħed minnhom qabeż il-baħar biex jipprova jgħumha sal-art.

Fuq Twitter, l-għaqda ta’ tfittxija u salvataġġ ProActiva Open Arms qalet li kien lejl ta’ paniku u li s-sitwazzjoni hi waħda ta’ disprament. Spjegat li dalgħodu l-ġurnata bdiet bil-qabża l-baħar ta’ immigrant minnhom. Il-Gwardja tal-Kosta Taljana kellha tintervjeni sabiex issalvah u terġa’ ttellgħu abbord il-bastiment.

L-għaqda qalet li tinsab bla kliem fil-konfront ta’ din is-sitwazzjoni.

Ilbieraħ, kien hemm evakwazzjoni medika ta’ tmien persuni. Il-fundatur ta’ Open Arms, Oscar Camps, qal li qed iħossuhom qishom qegħdin f’ċentru ta’ detenzjoni fl-ibħra territorjali Taljani.

Fil-jiem li għaddew, il-Gvern Spanjol offra li l-bastiment jiddaħħal Spanja, iżda l-għaqda rrifjutat għax ma qablitx li ddawwar ir-rotta biex minn Lampeduża jmorru b’aktar minn 100 immigrant lejn Spanja minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni abbord.

Aqra aktar: 

L-Open Arms jasal fl-ibħra territorjali Taljani; Tintalab evakwazzjoni medika

Qorti Taljana tissospendi d-digriet ta’ Salvini; Open Arms jitħalla jidħol fl-ibħra

Filmat: Open Arms jiċħdu l-offerta tal-Ispanjoli biex jieħdu l-immigranti