Filmat: One-stop-shop ieħor għas-servizzi tal-Gvern

Infetaħ one-stop-shop ieħor fil-Furjana għas-servizzi tal-Gvern bħala ċentru għas-servizz tal-familja li se jkun qed joffri diversi servizzi speċjalizzati fosthom.

Dan tħabbar mill-Ministeru għall-Familja lbieraħ, fejn il-Ministru Michael Falzon spjega ma’ Newsbook.com.mt li post bħal dan qed joffri lok għal eżerċizzju fejn il-Gvern ikun iktar qrib in-nies.

Fi stqarrija ġie spjegat li ċ-Ċentru Servizz Familja ta’ servizz.gov se jkun qed joffri diversi servizzi speċjalizzati fosthom dawk fuq is-sigurtà soċjali, dawk marbuta mal-anzjani u persuni b’diżabilità, u fuq il-ħarsien soċjali. Dan iċ-ċentru se jkun qed joffri wkoll servizz b’appuntament fejn numru ta’ impjegati pubbliċi minn entitajiet varji li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru, se jkunu qed joffru servizz ta’ espert fil-qasam rispettiv tiegħu. Dawn l-entitajiet jinkludu l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbilità, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva.

Intant, il-one-stop-shop se jkollu uffiċċju ta’ servizz.gov biex jekk wieħed ikollu bżonn jinqeda fuq servizzi governattivi oħra jkun jista’ jagħmel dan taħt saqaf wieħed.

Iċ-ċentru se jkun operat minn seba’ ħaddiema li lkoll ingħataw taħriġ speċjalizzat biex ikunu jistgħu jaqdu każijiet marbuta ma’ dan il-Ministeru. Iċ-ċentru sar b’investiment ta’ €500,000 u se jkun miftuħ mit-Tnejn sas-Sibt mit-8.00 sas-1.00 ta’ wara nofsinhar kif ukoll l-Erbgħa filgħaxija mill-5.00 sas-7.30, is-sena kollha.

Filmat: Luke Zerafa