Filmat: Ommijiet bit-trabi fost il-71 immigrant li ddaħħlu l-Isla lbieraħ

Read in English.

Ilbieraħ il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw lil 71 immigrant li kienu fuq il-baħar għal xi jiem. Fosthom kien hemm nisa u tfal.

Filmat juri l-qagħda mwiegħra li kienu jinsabu fiha dawn il-persuni. Huma jidhru kollha lebsin il-maskri fuq il-bastiment ta’ salvataġġ tal-AFM, ħafna minnhom b’ħarsa ċassa f’għajnejhom.

Il-filmat juri wkoll lin-nies li jilqgħuhom f’Malta lebsin ilbies protettiv minn rashom sa saqajhom, jużaw il-hand sanitiser, u mbagħad jieħdu ritratt ta’ kull persuna li kienet abbord.

Uħud mill-persuni jidhru donnhom bla saħħa, saħansitra f’mument minnhom jidher raġel imtedd mal-art. It-tfal f’ħaddejn ommhom bdew iħarsu madwarhom donnhom mhumiex jifhmu x’qed jiġri, u kien hemm ukoll tarbija fosthom. Mal-wasla tagħhom, omm minnhom ħadet lil bintha fl-ambulanza li kienet qiegħda tistenniehom biex tiġi provduta kura medika.

Dan kien l-istess każ li dwaru l-għaqda Alarm Phone qalet li l-armata Maltija qattgħet għadd ta’ sigħat tosserva mingħajr ma salvathom jew offriet l-għajnuna. L-għaqda Sea-Watch staqsiet kif is-suldati Maltin setgħu ħallew 12-il siegħa jgħaddu qabel ma wettqu l-ħidma ta’ salvataġġ. Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Forzi Armati u lill-Ministeru għall-Intern dwar dan il-każ.

Ilbieraħ filgħodu, Alarm Phone qalet li qed tibża’ li Malta qed torganizza pushback “ieħor illegali” għal-Libja għal dawn il-71 immigrant.