Filmat: Omm Quiven b’xewqa li tara film ma’ binha li tilef id-dawl

Żmien il-Milied huwa żmien fejn bosta familji jpoġġu flimkien biex jaraw xi film. Sfortunatament, għall-familja ta’ Quiven li tilef id-dawl t’għajnejh minħabba l-kanċer, din ir-realtà ta’ ħafna, mhix faċilment possibli.
Karen, omm it-tifel ta’ tliet snin, qalet kif meta jkun il-maltemp tkun tixtieq tista’ toqgħod tara film ma’ binha, iżda taf li dan mhux possibbli. Hija tkellmet dwar kif il-programm favorit tiegħu kien Tom and Jerry, iżda peress li l-programm ma jkunx fih kliem, issa impossibli għalih li jkompli jsegwih.
“Li kieku nista’ naqla’ għajnejja u nagħtihom lilu, iżda ma nistax”
Quiven, tifel li minkejja kollox ikompli jilgħab mimli enerġija, instablu kanċer li attakkalu ż-żewġ għajnejn. Missier it-tifel jgħid kif it-tobba qalulhom li kellhom jagħżlu, jew isalvawlu ħajtu jew għajnejh.
Huwa kompla jgħid kif li kieku m’għażlux li jneħħulu għajnejh, il-kanċer kien jitla’ għall-moħħ Quiven, u minħabba f’hekk ikompli jinfirex, b’konsegwenza li eventwalment imut.
Saħaq li kieku jista’ jaqla’ għajnejh u jagħtihomlu, iżda ma jistax.
 “Meta naqlagħlu l-covers t’għajnejh jistaqsini jekk qlajtx tiegħi” – Omm Quiven
Karen tispjega kif ta’ kuljum taqla’ l-għajnejn tal-plastik li tlibbes lil binha u tnaddafhomlu. Għalissa hi tispjegalu li qed tlibbisslu covers fuq għajnejh u tgħidlu li kulħadd għandu minnhom.
“Għalissa hu jaf li kulħadd bil-covers, għax meta ngħidlu ejja ħa nneħħilek il-covers ta’ għajnejk sabiħ, jistaqsini jekk qlajtx tiegħi. Ngħidlu iva għax għalissa ma rridx ngħidlu li hu biss,” kompliet tgħid Karen. Minkejja dan taf li meta jikber ftit oħra, trid tgħidlu b’kollox.
Karen tispjega wkoll kif meta sentejn ilu marru jħabbtu l-bibien tal-Istrina, intlaqgħu b’idejn miftuħa. Tgħid kif l-Istrina dejjem kienet hemm għalihom hekk kif Quiven ta’ spiss ikollu jitla’ u jinżel l-Ingliterra biex jirċievi l-kura neċessarja.
“Kemm int tifel sabiħ” – L-Arċisqof
Waqt il-programm Follow Up fuq RTK il-ġimgħa li għaddiet, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li meta sar jaf il-ġenituri ta’ Quiven, kif ukoll lit-tifel stess, qalulu dwar żjara li kellhom f’Lourdes.
Dawn, flimkien mas-saċerdot li kien qed imexxi l-pellegrinaġġ, marru fil-grotta kmieni filgħodu u s-saċerdot għolla lil Quiven lejn il-grotta waqt li kien għadu rieqed. Meta qam qal lill-ommu: ‘Ma, rajt lill-Madonna. Qaltli “Kemm int tifel sabiħ”’. L-Arċisqof saħaq li dan ir-rakkont ħallieh bla kliem.
Segwi L-Istrina, l-għada tal-Milied, u agħti s-sehem tiegħek biex tgħin lil Quiven u tfal oħra bħalu.