Filmat: “Oħorġu mill-klinika u ħallu f’idejn it-tobba” – Fearne

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li t-tobba għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom u li wasal iż-żmien li l-politiċi joħorġu mill-klinika u jħallu f’idejhom.

“Iktar mirakli tal-ħajja” – Fearne

F’konferenza tal-aħbarijiet qabel il-vot li se jittieħed illejla fil-Parlament, il-Ministru Fearne saħaq li se jkun hemm iktar mirakli tal-ħajja bl-emendi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Fearne qal li s’issa twieldu 127 tarbija bl-IVF, u li s-sistema preżenti ma taħdimx għal erbgħa minn kull ħames nisa li jużawha. Żied jgħid li hemm 57 mara li għandhom iktar minn 40 sena li qed jipprova jkollhom tarbija, u fi kliemu l-possibbiltà li jiġri dan bħalissa hija remota.

Sostna li nies li m’għandhomx bajd jew sperma se jkollhom iċ-ċans li jkollhom tarbija permezz tad-donazzjoni tal-gamiti. Irrimarka li l-kiri tal-ġuf b’mod altruwistiku se jitħalla għal liġi oħra.

Il-Ministru għas-Saħħa qal li filwaqt li kien hemm konsultazzjoni wiesgħa, il-Gvern ma seta’ qatt jaqbel ma’ proposta li toħloq diskriminazzjoni finanzjarja. Hawnhekk irrefera għal proposta tal-għaqdiet li riedu li togħla l-miżata tal-iffriżar tal-embrijuni.