Filmat: Obama għadu ma ħax deċiżjoni dwar is-Sirja

Il-President Amerikan Barack Obama qal li jrid jiġi evitat li bl-ebda mod ma jintużaw armi kimiċi kontrihom. 

F’intervista mal-istazzjon televiżiv Amerikan Pbs, Obama qal li r-reġim ta’ Assad irid jifhem li l-użu ta’ armi kimiċi fuq skala kbira kontra l-poplu tiegħu stess, mhux qed jikser biss liġijiet internazzjonali imma wkoll qed jhedded l-interessi nazzjonali tal-Istati Uniti.

Obama qal li wasal għal konklużjoni li l-Gvern Sirjan uża verament armi kimiċi f’Damasku u li l-Oppożizzjoni m’għandha ebda armi kimiċi f’idejha.

Żied jgħid li żgur ma jridx li s-Sirja tispiċċa bħall-Iraq u li minflok jistgħu jużaw approċċ li ma jdaħħalhomx f’kunflitt twil u li jista’ jkun pożittiv għall-pajjiż. 

Madanakollu Obama żied jgħid li għadu ma ħax deċiżjoni dwar jekk l-Istati Uniti għandhomx jintervjenu militarment fis-Sirja għax “m’għandhom l-ebda interess li jidħlu fi gwerra ċivili”.

Il-Viċi Ministru Sirjan għall-Affarijiet Barranin Faisal Maqdad, ilbieraħ akkuża lill-Ingilterra u lil Franza li għenu lit-“terroristi” jużaw l-armi kimiċi fis-Sirja.  Hedded li dawn l-istess terroristi se jużaw l-armi kimiċi kontra l-Ewropa.