Filmat: Nuża għar fl-ODZ għall-yoga u meditazzjoni – Anton Refalo

Iċ-Ċerpersin ta’ Heritage Malta u eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo esprima l-fehma li għar li hemm taħt il-propjetà tiegħu fil-Qala, li skont l-applikazzjoni għall-iżvilupp se jintuża għall-ħażna tal-inbid, issa, qal se jintuża għall-yoga u l-meditazzjoni. Qal li l-binja diġà teżisti iżda applika biex jibdel l-użu originali.

Anton Refalo saħaq li din kienet il-ħolma ta’ ħajtu għalkemm l-applikazzjoni tal-iżvilupp tidher f’isem il-mara u mhux f’ismu.

F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, huwa qal li ma applikax biex jibni lukanda iżda Newsbook.com.mt kien żvela li l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar turi li se tinbena lukanda b’sebat ikmamar fuq art ODZ fil-Qala.  Kompla jgħid li dan il-post, fuq żona ODZ, “jagħmel ġieħ lil Għawdex” għaliex se jgħin fil-ħajja tal-bniedem biex inaqqas l-istress tal-ġurnata u jnaqqas ukoll ir-riskju ta’ problemi tal-qalb.

Minkejja dawn il-kummenti tal-lum, f’Mejju li għadda, Anton Refalo ma weġibx għal numru ta’ telefonati wara li ġie mgħarraf li kellhom isirulu xi mistoqsijiet.

Fejn tinsab il-binja? X’applikazzjonijiet saru matul iż-żmien?

Bejn l-1998 u llum, medda art f’Tal-Malvi, limiti tal-Qala, inbidlet għal kollox. Minn art rurali bi struttura modesta aktarx b’rabta agrikola, l-Awtorità tal-Ippjanar bħalissa qed tixtarr applikazzjoni għal lukanda.

L-applikazzjoni hija ta’ Lina Refalo, mart l-eks Ministru Laburista Anton Refalo. Madanakollu kien l-eks Ministru li applika għall-ewwel darba biex jiżviluppa l-bini eżistenti f’Marzu tal-2001, u fl-2004 applika biex jibni pixxina viċin ir-residenza.

Fuq din l-art saru diversi applikazzjonijiet u sanzjonijiet, iżda mill-2009 l-applikazzjonijiet fuq din l-art saru dejjem taħt isem is-Sinjura Refalo.

ARA x’kienet l-istorja dwar il-bini fl-ODZ fil-Qala: