Filmat: “Nuqqas ta’ għarfien dwar saħħa mentali fost iż-żgħażagħ”

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) qed jissielet sabiex iqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali fost il-popolazzjoni żagħżugħa fil-Gżejjer Maltin.

L-Uffiċjal Internazzjonali tal-KNŻ, Pamela Cann Rodgers, tkellmet ma’ Newsbook.com.mt u spjegat li wara li l-għaqda rat bosta artikli dwar is-saħħa mentali fuq il-midja lokali, indunat li hawn nuqqas kbir ta’ għarfien dwar it-tipi differenti ta’ mard mentali u l-effett li dawn jistgħu iħallu fuq persuna.

Il-proġett bl-isem ta’ A Holistic Approach Towards Mental Health and Youth se jkun qed iwassal għal sensiela ta’ laqgħat  ta’ informazzjoni sabiex jiddistingwu l-mard mentali differenti u x’servizzi hemm disponibbli meta wieħed ifittex l-għajnuna.

Cann Rodgers spjegat li l-proġett se jkun imqassam fuq sitt sezzjonijiet li se jkunu qed jiddiskutu tliet oqsma prinċipali li jħallu impatt fuq iż-żgħażagħ, b’mod speċjali d-dinja tax-xogħol, l-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa.

Waqt it-tnedija tal-proġett li saret dalgħodu, il-President tal-Kunsill, Michael Piccinino rrimarka li s-saħħa mentali huwa suġġett li bosta jitkellmu dwaru minn taħt l-ilsien, iżda l-għan tal-Kunsill se jkun li jġib id-diskussjoni fiċ-ċentru tas-soċjetà.

Il-proġett li hu ssapportjat minn EUPA u Erasmus+, se jara madwar 40 parteċipant li flimkien se jkunu qed jaħdmu sabiex ifasslu wkoll policies ġodda li jwasslu sabiex is-saħħa mentali tittieħed b’aktar serjeta fis-soċjetajiet Maltin.

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jissielet sabiex jippromwovi policies fejn jidħlu ż-żgħażagħ u jiġġilied għad-drittijiet tagħhom. Is-sena l-oħra kien fuq il-fruntiera tad-diskussjoni dwar Vot 16 fost inizjattivi oħra.