Filmat: “Noffri s-siġġu ta’ Viċi Kap lil Bernard Grech biex ma ssirx l-elezzjoni”

Aġġornat 06:21 PM

Read in English.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo qal li lest joffri s-siġġu ta’ Viċi Kap tal-Partit biex Bernard Grech jirtira mill-elezzjoni ta’ Kap tal-PN. Dan fi sforz biex skont Arrigo jġib l-għaqda fil-partit.

Arrigo qal dan waqt programm li xxandar fuq F Living li fih qal li kemm Bernard Grech kif ukoll Adrian Delia għandhom għal qalbhom il-Partit Nazzjonalista. Fisser ukoll li permezz ta’ dan ikun ifisser li Adrian Delia jservi ta’ Kap tal-PN sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Kuntrarju għal dan, sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu li Adrian Delia ma jistax jibqa’ Kap tal-partit meta kien hemm tliet fora fil-PN li sifduċjawh. Dawn kienu stigati l-ewwel mill-Grupp Parlamentari li vvutaw biex ineħħu lil Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni, warajhom segwa l-Kumitat Eżekuttiv b’vot ta’ sfiduċja kontra Delia u bl-aħħar vot jittieħed fil-Kunsill Ġenerali meta l-Kunsilliera tal-PN iddeċidew li jmorru għal elezzjoni għal Kap flok jikkonfermaw lil Adrian Delia bħala l-Kap tal-PN.

Fil-programm Arrigo spjega li jixtieq jarahom jaħdmu flimkien u għalhekk lest li jirriżenja biex jagħti dik li sejjħilha bħala l-“pultruna” ta’ Viċi Kap lil Bernard Grech.

Newsbook.com.mt janalizza l-paġni ta’ Facebook ta’ Delia u Grech
Min qiegħed fuq quddiem fuq Facebook?

Huwa fakkar f’dak li kien seħħ fl-2013 meta l-eks Membru Parlamentari Ewropew Simon Busuttil kien ħa dan l-irwol ftit qabel l-elezzjoni b’Arrigo jgħid li l-istess mod jista’ jiġi implimentat issa.

Fl-intervista huwa xebbaħ ir-riżultat li ġab fl-elezzjoni tiegħu ta’ Viċi Kap fl-2017 ma’ dak taċ-Ċina u l-Korea ta’ Fuq peress li kien ġab maġġoranza ta’ aktar minn 86%. Qal li minkejja dan lest li jirriżenja biex jara l-għaqda sseħħ.

Qal li l-proposta tiegħu biex Bernard Grech isir il-Viċi Kap ġdid b’mod awtomatiku se ssib l-approvazzjoni tal-Eżekuttiv tal-PN.

Filmat: F Living