Filmat: “Nixtiequ li għal din l-ikla ma jiġi ħadd” – Direttur tal-Caritas

Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt qal li għall-ikla tal-Milied fil-Kurja għal persuni fis-solitudni jixtieq li jiġi żmien li ma jmur ħadd. Intervistat minn Newsbook.com.mt waqt il-preparamenti għal din l-ikla fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, Gatt spjega li mhux xi ħaġa sabiħa li jiġu ħafna nies għal din l-ikla għax dak ikun ifisser li hemm ħafna nies qed jesperjenzaw is-solitudni f’ħajjithom.

Spjega li fil-50 anniversarju tagħha, il-Caritas qed terġa’ torganizza din l-ikla li din is-sena mistennija tattira aktar minn 500 persuna. Fost dawn hemm għadd ta’ tfal li diġà nkitbu flimkien mal-carers u l-ġenituri tagħhom. Is-sena l-oħra 400 persuna ħadu sehem.

Anthony Gatt ħeġġeġ biex il-Maltin juru solidarjetà ma’ nies fis-solitudni u jilqgħuhom f’darhom għal dan il-Milied. Semma kif il-familji stess jistgħu ikunu ta’ għajnuna għal membri fi ħdanhom billi jistiednu lil xulxin u jieklu flimkien biex dan ikun mument ta’ għaqda.

Huwa spjega li bħala parti mill-kampanja mal-persuni fis-solitudni, il-Caritas tgħinhom permezz ta’ din l-ikla u stieden lil dawn in-nies biex almenu għal ġurnata jingħaqdu fi spirtu ta’ familja u joħorġu mis-solitudni. Saħaq li s-solitudni hi tbatija tul is-sena kollha pero fiż-żmien tal-festi tiħrax għax żmien ta’ għaqda.

L-Arċisqof Charles Scicluna min-naħa tiegħu rringrazzja lill-Arċiprieti u l-Kappillani kollha madwar Malta għall-inizjattivi lokali li qiegħdin jagħmlu biex jgħinu nies li jkunu qed iħossuhom waħidhom. Semma li s-solitudni ma tistax telimina għal kollox iżda qal li huwa tajjeb li wieħed iħoss l-għożża tal-komunità li jkun qed jgħix fiha speċjalment f’dawn iż-żminijiet qaddisa.

Knisja.mt/ritratti