Diskursata ma' Naomi qabel is-seduta tal-ParlamentSegwi diskursata li kelli ma’ Naomi fejn stedintha tistaqsini dak kollu li tixtieq.
Posted by Robert Abela on Wednesday, December 2, 2020
Lejlet il-jum internazzjonali għall-persuni b’diżabbiltà kien jum mhux tas-soltu għall-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif f’kull impenn tiegħu kien akkumpanjat minn Naomi Pace Gasan, tfajla ta’ 19-il sena bid-Down Syndrome.
Naomi, li tattendi ċ-Ċentru ta’ Riżorsi Dun Manwel Attard fil-Wardija, akkumpanjat lill-Prim Ministru f’kull laqgħa li kellu matul il-jum, u attendiet ukoll is-seduta parlamentari, f’wieħed mis-siġġijiet riservati għad-deputati.
Qabel is-seduta, għamlet intervista qasira lil Abela, u bdiet billi ssaqsih kemm jaħdem. Il-Prim Ministru fakkar li l-pożizzjoni tiegħu tirrekjedi impenn kbir, u li jkollu jaħdem mit-Tnejn sal-Ħadd.
Wara li qal hekk, Naomi stqarret li hi wkoll tixtieq taħdem mit-Tnejn sal-Ħadd.
“Jien mhux nixtieqek taħdem, iżda rridek taħdem,” irrisponda Abela.
Aktar tard fil-Parlament, Abela qal li kellha kull dritt li taħdem, u wiegħed li din ix-xewqa se ssir realtà wara li tlesti l-istudji tagħha.
Il-Prim Ministru stqarr li kien jum speċjali għalih, u li kemm ilu fil-kariga qatt ma kellu ġurnata fejn kien bi tbissima l-ġurnata kollha.
“Għaraft aktar minn qatt qabel il-potenzjal kbir li għandhom il-persuni b’diżabbiltà u l-ħtieġa ta’ aktar impenn biex noħolqu soċjetà aktar ekwa, ġusta u inklussiva li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura,” żied jgħid fuq Facebook.
Irridu nemmnu fil-potenzjal tal-persuni b’diżabbiltà – Oliver Scicluna
F’messaġġ li għamel għall-okkażjoni, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna insista fuq il-bżonn li s-soċjetà temmen fil-potenzjal tal-persuni b’diżabbiltà. Fakkar li kieku hu stess ma kellux l-appoġġ tal-familja u tal-edukaturi tiegħu, ma kienx ikollu l-opportunità li jmexxi l-kummissjoni.
Insista li d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà ma jiqfux bil-blue badge għall-parkeġġ riservat u affarijiet simili, imma jibdew bil-bażiku.
“Jibdew mill-edukazzjoni… mid-dritt li tidħol fid-dinja tax-xogħol, minn servizzi adegwati biex tkun tista’ tgħix b’mod indipendenti,” qal Scicluna.
Id-drittijiet jibqgħu jissaħħu bil-liġijiet, żied jgħid il-kummissarju, u għalkemm ħarġu liġijiet f’dan ir-rigward baqa’ ħafna x’isir.
Scicluna nsista wkoll fuq l-importanza li persuni b’diżabbiltà jkollhom aktar viżibbiltà, u li sakemm jiġri dan, id-drittijiet tagħhom se jibqgħu mittiefsa.
“Nixtieq nara aktar persuni b’diżabbiltà jimxu fit-triq tas-suċċess,” żied jgħid Scicluna, li għamel ukoll riferenza għall-esperjenza ta’ Naomi.
Qal li għalkemm forsi dan il-ġest jista jidher biss simboliku, hu tajjeb li persuni b’diżabbiltà jirċievu l-attenzjoni u jingħataw l-għodod biex ikunu jistgħu jieħdu sehem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet.
Awgura li din l-inizjattiva tkompli, “biex ma nkomplux nitkellmu fuq diskriminazzjoni iżda fuq l-importanza tal-inklużjoni.”