Filmat: Nixtieq naħdem imma s-soċjetà ma tħallinix

“Mhux id-diżabilità li xxekklek, iżda l-mod ta’ kif taħsibha.” Minkejja d-diżabilità fiżika, Christian Camilleri, żagħżugħ ta’ 24 sena ma jaqtax qalbu.
 
Christian iqatta’ ġurnata sħiħa fuq is-siġġu tar-roti: imur l-Università, jitla’ Paceville, jitla’ l-parties, jaqbad tal-linja, imur laqgħat ta’ diversi organizzazzjonijiet u jieħu sehem f’diversi dibattiti.
 
Christian jirrakkonta kif minn meta kien żgħir il-ġenituri nnutaw in-nuqqas ta’ żvilupp.  Mit-testijiet mediċi rriżulta li Chris ibati minn Cerebral Palsy, kundizzjoni permanenti li ma tippermettix il-muskoli ta’ ġisem biex jiżviluppaw.  Minħabba din il-kundizzjoni, Christian ingħata iktar kura fl-Ingilterra.
 
Irrakonta kif minħabba l-kundizzjoni, kien iżomm lura minn diversi affarijiet għax dak iż-żmien kien jaħseb li d-diżabilità żżommok lura milli tilħaq l-għanijiet tal-ħajja.
 
Minkejja d-diżabilità, il-ġenituri ta’ Christian emmnu fih u minflok attenda skola speċjali, kompla jeduka ruħu mal-bqija tal-istudenti.  F’Settembru li għadda, Christian beda l-Kors tal-Liġi fl-Università ta’ Malta.  Imma dan mhux l-ewwel kors tiegħu. Iggradwa wkoll bħala għalliem tal-PSD iżda b’dispjaċir, Christian jgħid li jixtieq ħafna li jsib xogħol u jibda jaħdem, iżda “sfortunatament is-soċjetà għadha mhux inklussiva biżżejjed biex persuni b’diżabilità jkollhom xogħol ta’ dan it-tip.” 
 
Semma wkoll id-drabi meta xtaq imur Paceville ma’ sħabu imma ma setgħax. Irringrazzja lill-ħbieb tal-paċenzja kbira li jieħdu bih kull darba li jerfgħuh għax xi drabi ma jkunx jista’ jidħol minħabba s-siġġu tar-roti.