L-Isqof Elett Mons Joe Galea Curmi qal li jixtieq li n-nies kif jisimgħu b’Malta jiftakkru f’San Ġorġ Preca. Mons Galea Curmi qal dan fl-Omelija fil-kappella ta’ Kappella tal-Madonna f’Lourdes iddedikata lil San Kosma u Damjan f’Lourdes wara purċissjoni mmexxija minnu.
Illum kompliet il-ġita ta’ Britannia Tours li matulha nkixef l-inkwadru tal-Qaddis Malti San Ġorġ Preca maħdum mill-artist Għawdxi Manuel Farrugia. Britannia Tours ilhom għal dawn l-aħħar 30 sena jorganizzaw ġiti lejn Lourdes flimkien mal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta.
L-attivitajiet speċjali bdew b’purċissjoni li bdiet fid-9.30 ta’ filgħodu mmexxija mill-Isqof Elett Mons Joe Galea Curmi. Membri tas-Soċjetà tal-MUSEUM ġarrew l-inkwadru, filwaqt li Mons Galea Curmi ġarr ir-relikwa ta’ San Ġorġ. Dan l-inkwadru ddendel fil-kappella tal-Madonna ta’ Lourdes filwaqt li r-relikwa se titpoġġa fuq l-altar f’din l-istess kappella. Fl-10.00 tiġi ċċelebrata quddiesa bil-Malti.
Illum ukoll f’Malta, l-Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra Quddiesa li saret lejlet il-festa tal-Madonna ta’ Lourdes fil-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi.
Għada l-Ħadd fid-9.30am issir Quddiesa Internazzjonali fil-Bażilika Papa Piju X u li matulha ukoll se jikkonċelebra l-Isqof Elett Mons Joe Galea Curmi. Il-Ħadd filgħaxija l-membri tas-Soċjeta’ tal-Museum se jorganizzaw lejla ta’ talb fil-Grotta.
Nhar it-Tnejn fl-9.45 ta’ filgħodu tibda quddiesa kkonċelebrata fil-Grotta. Wara nofsinhar fis-2.30pm il-inkwadru ta San Ġorġ Preca jitpoġġa fil-grotta maġenb l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes, fejn imbagħad issir ir-reċita tar-rużarju imqaddes bil-lingwa Ingliża. Din l-attivita’ tixxandar dirett fuq l-internet minn Lourdes TV.