Filmat: “Nitlob lill-Maltin jaħfrulna” – immigrant

Salif Balh, immigrant irregolari li wasal Malta fl-2007, kiteb ittra li fiha jitlob maħfra lill-Poplu Malti f’isem l-immigranti. F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Salif spjega li ħass il-ħtieġa li jikteb l-ittra wara l-protesta li saret ix-xahar li għadda, fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Far.
Il-protesta bdiet meta għadd ta’ Membri Parlamentari marru Ħal Far biex jaraw il-post u ftit wara bdew jinstemgħu ħsejjes ta’ tkissir ta’ għamara u tisbit. Aktar tard xi Pulizija li ssejħu fuq il-post ġew attakati b’ġebel u injam.
Iżda fl-ittra, Salif ikkundanna dan l-aġir, għax fi kliemu l-Maltin ma ħaqqhomx hekk. Minkejja li fil-postijiet ta’ detenzjoni hemm ħafna stress, saħaq li "l-immigranti m’għandhomx jaġixxu b’dak il-mod, anzi għandhom ikunu grati lejn il-poplu li qed jipproteġihom."
Salif iddeskriva lill-Maltin bħala nies b’qalbhom kbira u rringrazzja lil ħafna persuni li jaħdmu mal-immigranti biex jintegraw u jħossuhom komdi fis-soċjetà.
Għalkemm ma kienx involut fil-protesta, Salif ħass il-ħtieġa li jagħmel hu l-ewwel pass u jikteb l-ittra biex juri s-sentimenti ta’ ħafna immigranti lejn il-Maltin.
Salif waqqaf organizzazzjoni biex jgħin lill-immigranti li jinsabu fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni biex jintegraw ruħhom fil-kultura u anke jitgħallmu l-lingwa Maltija. Saħaq li meta wasal Malta, hu għadda minn żmien diffiċli. Spjega li issa li sab l-għajnuna, jmiss lilu biex jgħin lill-immigranti l-oħra.

F'każ li trid tgħin lil Salif, tista' tibgħat imejl fuq: info@newsbook.com.mt

L-ittra li kiteb Salif tista’ ssibha hawn taħt: