Filmat: “Nistgħu nagħmlu ħafna aktar biex nilħqu l-għanijiet għal żvilupp sostenibbli” – Dalli

Hemm ħafna aktar x’jista’ jsir biex jintlaħqu l-għanijiet għal żvilupp sostenibbli sal-2030. Dan qalitu l-Ewroparlamentari Miriam Dalli f’intervista ma’ Newsbook.com.mt fi Strasburgu.

Hi u titkellem dwar is-17-il mira għal żvilupp sostenibbli (Sustainable Development Goals), Dalli sostniet li kemm il-bnedmin innifishom, kif ukoll il-Gvernijiet iridu jagħmlu ħafna aktar biex l-għanijiet jintlaħqu. Sostniet li l-għanijiet jitkellmu dwar affarijiet li huma importanti għall-umanità, bħall-ħarsien tal-ibħra u l-oċeani, il-klima, il-faqar, l-edukazzjoni aħjar, fost oħrajn. 

Aqra: Bżonn ħidma aktar f’saħħitha biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi – Dalli

Dalli sostniet li l-miri li hemm bħalissa permezz tal-Ftehim ta’ Pariġi mhumiex biżżejjed biex it-temperatura globali ma titlax għal aktar minn 1.5 gradi celcius. L-għan ewlieni tal-Ftehim ta’ Pariġi huwa li jsaħħaħ il-ħidma globali għall-effetti negattivi li qed iġġib magħha l-bidla fil-klima. Dan biex kemm jista’ jkun tiġi llimitata ż-żieda fit-temperatura. Il-ftehim iħares ukoll lejn pajjiżi tat-tielet dinja u modi kif dawn jistgħu jaffaċċjaw l-impatti li t-tibdil tal-klima tħalli fuq il-pajjiż tagħhom.

L-appell tagħha fil-Parlament Ewropew kien sabiex ikun hemm programm iktar ambizzjuż biex verament jintlaħqu l-miri ta’ Pariġi. Irreferiet ukoll għal dak li qed jiġri fil-foresta tal-Amażonja u n-nirien li ħakmu partijiet minn Greenland u l-Arktiku. Spjegat li dawn il-fenomeni qed iseħħu minħabba l-emmissonijiet tal-gas fl-arja li huma ferm għolja.

Is-soluzzjoni, skont Dalli, hija li l-problema tiġi indirizzata mill-għeruq. Qalet li hemm bżonn jintlaħaq bilanċ sabiex fl-istess waqt l-industriji jagħmlu l-avvanzi meħtieġa u l-ekonomiji jkomplu jikbru.