Filmat: “Nistenna turnout ta’ 80% għar-referendum dwar il-kaċċa”

Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt, il-ġurnalist Karl Wright jistħarreġ il-pjanijiet u l-aspettattivi tal-Koalizzjoni għat-Tneħħija tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa fir-referendum dwar il-kaċċa li se jsir fix-xhur li ġejjin.
Jitkellem is-Segretarju ta’ din il-Koalizzjoni l-perit Carmel Cacopardo, li jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li dan ir-referendum jista’ jsir. Isemmi kif is-soċjetà ċivili se tkun qed tuża għall-ewwel darba id-dritt ta’ referendum abrogattiv.
Cacopardo jgħid li għar-referendum dwar il-kaċċa, jistenna turnout iktar qawwi minn dak li s-soltu jkun hemm fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali meta dawn isiru waħidhom. Jesprimi t-tama li t-turnout ta’ votanti jitla’ anke sa 80%. Jgħid li s-suċċess tar-referendum huwa marbut mal-persentaġġ ta’ nies li joħorġu jivvotaw.
Dwar it-tnedija ta’ kampanja ta’ informazzjoni għal dan ir-referendum, Cacopardo jgħid li din se toħroġ eżatt malli l-President ta’ Malta tħabbar id-data tar-referendum. 
Jispjega li l-Koalizzjoni se tkun qed tuża materjal stampat u se tieħu sehem fi programmi ta’ diskussjoni fuq ir-radju u fuq it-televiżjoni. Jgħid li se jinħolqu wkoll kampanji apposta għal fuq il-mezzi soċjali.
Dwar l-għaqdiet favur il-kaċċa, Cacopardo jgħid li dawn qabdu ma’ kull punt ta’ liġi li setgħu sabiex joġġezzjonaw għar-referendum.