Filmat: Nista’ ngħid li rrid sakemm nuża kliem xieraq – Camilleri

Read in English.

Iċ-chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri flimkien mal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana waslu fi ftehim li huwa jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq kull suġġett basta ma jużax kliem li mhux xieraq.

F’kumment lill-midja Mark Camilleri spjega li l-Ministru għadha ġdida fis-settur tal-edukazzjoni u trid li jkollha t-termini u l-kundizzjonijiet tagħha. Żied li min-naħa tiegħu huwa jista’ jesprimi l-opinjoni tiegħu mingħajr l-użu ta’ ċerta vokabularju.

Fil-jiem li għaddew iċ-chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kellu argument mal-avukat tas-suspettat ewlieni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. F’dan l-argument huwa uża kliem li mhux xieraq u għalhekk intalab jirreżenja mill-pożizzjoni tiegħu, mis-Segretarju Permanenti Frank Fabri. L-għada intlaħaq dan il-ftehim bejn il-Ministru Caruana u Camilleri.

Camilleri madankollu saħaq li dak li kiteb fil-jiem li għaddew dwar l-inkjesta pubblika għadu jemmen fih.

Min-naħa tagħha l-Ministru Justyne Caruana qalet li hija talbet għar-riżenja ta’ Camilleri wara li rċeviet screenshot tal-kliem li uża Camilleri. Hija insistiet li ma kinitx taf li l-kummenti tiegħu kienu relatati mal-inkjesta pubblika. Caruana saħqet li bħala Ministru tal-Edukazzjoni trid tassigura li tgħaddi eżempji tajba.