Filmat: “Nista’ nċempel lil ommi biex ngħidilha li għadni ħaj?”

Immigranti żgħar jagħmlu ġimgħat, xhur u snin separati minn familthom sakemm jaslu fl-Ewropa. Skont it-tabiba Tanya Melillo, telefonata lejn darhom tgħinhom sabiex iserrħu moħħ ommijiethom li jkunu inkwetati ferm dwar jekk dawn waslux.

Il-Kap tal-Infectious Diseases Prevention and Control Unit, Dr Melillo qalet li l-ewwel ħaġa li jistaqsuha l-immigranti meta jinżlu fuq l-art hija “nista’ nċempel lil ommi biex ngħidilha li għadni ħaj?”

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Dr Melillo spjegat li ħafna drabi dawn l-immigranti jkunu tilfu kull kuntatt mal-qraba tagħhom, ħafna minnhom ikunu ilhom jivjaġġaw għal tul ta’ snin. Qalet li dawn iwassal sabiex omm titħalla tinkwieta jekk binha li għad għandu biss 16-il sena wasalx x’imkien aħjar qawwi u sħiħ.

Dr Melillo kienet qed titkellem ma’ Newsbook.com.mt hekk kif ilha mill-2008 taħdem bħala professjonista medika li tiġi mitluba tassisti kull wasla tal-immigranti rregolari fil-pajjiż. Spjegat kif fi ftit aktar minn 10 snin, iltaqgħet ma’ 200 dgħajsa u għenet mat-12,000 persuna li għamlitilhom visti minħabba kundizzjonijiet mediċi u infezzjonijiet.

Aqra: “Wara li ngħin lit-tfal li jaslu bid-dgħajjes, immur ngħannaq lil uliedi” – tabiba

“Bżonn nitrattawhom bħala umani”

Meta mistoqsija dwar it-trawmi psikoloġiċi li jaffaċċjaw l-immigranti, Dr Melillo qalet li ħafna drabi ma jkunux lesti li jitkellmu hekk kif ikunu taħt xokk.

Melillo qalet li ħafna mill-esperjenzi tagħhom jibqgħu magħhom. Qalet li wħud minnhom għaddew minn stupru, ġew ittorturati, stuprati jew għexu f’ċentri ta’ detenzjoni fil-Libja. Spjegat li mbagħad huwa f’idejn psikjatra, madanakollu ħafna ma jintlaħqux fiż-żmien opportun u jaqgħu f’dippressjoni.

Qalet li jkun hemm għexieren ta’ persuni li jagħmlu ġranet sħaħ mingħajr ma jieklu jew anke jixorbu. Qalet li li tgħinhom u tipprova tikkurhom, hija sitwazzjoni li ttiha ħafna sodisfazzjon. Qalet li ħafna drabi din tkun l-ewwel darba li jiġu trattati b’mod uman.

“Hemm bżonn nempatizzaw magħhom”

Dr Melillo kompliet tgħid li huwa importanti ħafna li nempatizzaw magħhom u nitkellmu magħhom minflok niġġudikawhom fuq id-dehra tagħhom. Qalet li dawn il-persuni ma telqux minn pajjiżhom għax riedu, għamlu din id-deċiżjoni sabiex jaħdmu biex il-familja tagħhom tgħix. Jafu li jew se jissugraw ħajjithom biex forsi jaslu f’ambjent u kundizzjonijiet aħjar, jew inkella jibqgħu fejn huma u jmutu bil-ġuħ.

“Huma ppreparati biex jaħdmu”

Dr Melillo kompliet tgħid li dawn il-persuni lesti li jaħdmu u jaħdmu sew, u tenniet li din hija xi ħaġa li ħafna ma jifhmux. Qalet li aħna ninkwetaw aktar fuq kif se nonfqu l-flus tagħna, filwaqt li huma jinkwetaw fuq kif se jirnexxielhom jgħixu l-ġurnata li jmiss.

Hi spjegat li meta għamlu l-vjaġġ tagħhom lejn ħajja aħjar, dawn ma pretendewx il-karità iżda ġew preparati biex jaħdmu għall-ħobża ta’ kuljum. Tenniet li jistħoqqilhom drittijiet bħal kulħadd, li jkollhom xogħlijiet diċenti u li jirċievu paga xierqa.