Filmat esklussiv minn fejn beda n-nar: “Agħlqu t-twieqi”

Aġġornat 08:01 AM

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili avża lir-residenti fil-viċinanzi tal-Marsa biex jagħlqu t-twieqi minħabba duħħan tossiku. Dan minħabba n-nirien fl-impjant tal-Wasteserv.

Id-Dipartiment qed jevakwa wkoll xi residenti minn djar qrib l-inħawi. Il-lokalitajiet mitluba biex iżommu t-twieqi magħluqa huma Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħal Tarxien u Santa Luċija.

Skont kelliem għall-Pulizija, in-nar beda minn xi kontejners mimlija bl-għadam tal-annimali li rħew xi żejt. Skont l-informazzjoni li Newsbook.com.mt kiseb minn fuq il-post, kien hemm kontejners oħra mimlijin b’dan iż-żejt, li iżda ma qabdux. Stqarrija mingħand il-Wasteserv spjegat li n-nar qabad f’bitħa qrib l-awtoklavi. In-nar qabad mill-prodott tal-awtoklavi, li huwa dan iż-żejt tal-għadam.

L-inċineratur tal-Wasteserv ma ġarrabx ħsara, iżda għalissa ngħalaq bħala miżura ta’ prekawzjoni.

Kelliem għall-Pulizija qal li ġew infurmati fis-7.26am li kien hemm xi nirien fil-Marsa. In-nar issa qiegħed taħt kontroll, u ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.

Nirien fl-impjant tal-Wasteserv il-Marsa

Posted by Newsbook.com.mt on Tuesday, October 27, 2020

Il-Ministru Byron Camilleri wkoll għamel it-talba biex residenti qrib il-Marsa jżommu t-twieqi magħluqin. 

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili javża lir-residenti ta’ Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħal Tarxien u Santa Luċija biex…

Posted by Byron Camilleri on Tuesday, October 27, 2020

Filmati: Maria Webb u Desira Desira