Filmat: “Nippruvaw nikkontrollaw il-biża'” – L-Isqof Teuma lill-għalliema

L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma qal lill-għalliema biex jippruvaw jikkontrollaw il-biża’ issa li reġgħu lura għax-xogħol fl-iskejjel minkejja l-imxija tal-coronavirus.

F’messaġġ li xerred fuq il-mezzi soċjali, l-Isqof t’Għawdex qal li xtaq jiltaqa’ mal-għalliema wiċċ imb wiċċ qabel tibda din is-sena skolastika, imma minħabba l-pandemija kellu jirrikorri għall-mezzi virtwali.

Illum l-għalliema rritornaw lura l-iskola, fil-każ ta’ dawk li jaħdmu fl-iskejjel tal-Gvern. L-iskejjel se jibdew jilqgħu lill-istudenti fis-7 t’Ottubru, u tul dik il-ġimgħa, jidħlu studenti ta’ snin differenti skont kif imisshom. L-iskejjel tal-Knisja, bħall-iskejjel tal-Gvern, se jiftħu fis-7 t’Ottubru. Xi skejjel indipendenti fetħu l-bibien tagħhom għall-istudenti llum.

Huwa esprima ammirazzjoni lejn l-għalliema li se jerġgħu lura għax-xogħol f’din is-sena diffiċli. Qalilhom li jifhem li qegħdin jinkwetaw dwar jekk ikollhom xi każ tal-coronavirus fil-klassi, għax jaħsbu fuq tad-dar, u forsi anke fuq xi qraba vulnerabbli li għandhom.

Il-Ministru Bonnici żar lill-għalliema fl-iskejjel illum
Ritratti: L-għalliema lura l-iskola f’pandemija

Madankollu, huwa appellalhom biex dis-sena jipprijoritizzaw żewġ affarijiet: ir-rispett u l-fiduċja. Mons. Teuma insista li l-għalliema għandhom jaraw li jirrispettaw lil xulxin: lill-għalliema l-oħra, lill-amministrazzjoni tal-iskola, lill-istudenti u lill-ġenituri, billi kollha jimxu mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Fil-każ tal-fiduċja, Mons. Teuma qal li din hija meħtieġa sabiex wieħed jafda f’ieħor li dan qed jagħmel l-almu tiegħu biex titrażżan il-pandemija tal-coronavirus, jagħmel il-parti tiegħu biex il-virus ma jinfirixx billi jieħu l-miżuri responsabbli.

Huwa għaraf il-kundizzjonijiet xejn faċli li jaħdmu fihom l-għalliema, imma stqarr magħhom li hu importanti li ma jħallux il-biża’ jxekkilhom milli jwettqu xogħolhom, ma jħallux lilhom infushom jinħakmu minn biża’ esaġerat.

L-Isqof temm il-messaġġ tiegħu billi wiegħed lill-għalliema li jitlob għalihom.

Il-UPE bi lmenti fuq il-qagħda tal-iskejjel
Paniku fl-iskejjel tal-Gvern għax mhumiex preparati – UPE