Filmat: “Nipprova nżomm spirtu pożittiv f’dawn il-jiem ta’ lockdown” – Maltija fi Spanja

Maria Zammit hija mara ta’ tletin sena li f’Settembru li għadda marret tgħix fil-Belt ta’ Granada bħala assistenta tal-Ingliż. Newsbook.com.mt tkellem ma’ Maria u din spjegatilna x’kienet ir-reazzjoni tagħha meta bdew jingħalqu l-iskejjel, ir-ristoranti, iċ-ċinema u l-barijiet.

Maria spjegat li din mhux l-ewwel darba li fittxet opportunitajiet biex issiefer u taħdem f’pajjiżi oħra speċjalment fi Spanja. Hija gradwat bħala għalliema tal-Ispanjol u għalhekk hija familjari sewwa ma’ din il-lingwa u l-pajjiż.

F’Settembru, Maria bdiet l-esperjenza mingħajr l-iċken ħsieb li dak kollu li kellha pjanat għal din is-sena se jkollu jkun pospost jew imħassar minħabba l-imxija tal-coronavirus.  Meta faqqgħet din l-imxija Maria ħasbet bħal ħafna nies oħrajn li dan huwa biss virus bħal kull virus ieħor kemm taħsel idejk spiss u toqgħod attent meta tagħtas, xejn speċjali. Iżda meta bdew jittieħdu ċerta miżuri mill-Gvern Spanjol u minn madwar id-dinja rrealizzat li dan il-virus ma kienx bħal kull virus ieħor. ‘Bdejt nistaqsi lili nnifsi fejn hi l-libertà li kont qed ingawdi minnha? U issa x’se nagħmel? X’inhu l-iskop li nibqa’ Spanja? X’se jsir mill-pjaniiet li kelli bħal safar, ħruġ mal-ħbieb? Se jkolli nħassar kollox?’ spjegat Maria. F’dan il-mument bdiet issaqsi lilha nnifisha, ‘Se nirrasenja ruħi jew niddispra?’

‘Kien hemm ħafna mumenti fejn bżajt’

Il-karattru ta’ Maria huwa wieħed fuq tagħha u tipprova żżomm lilha nnifisha u lil dawk ta’ madwarha allegrużi. Din l-imxija għalhekk ma żammiethiex milli tagħmel dan flimkien maż-żewġ persuni li magħhom tgħix kif ukoll man-nies tal-blokka.

Hija ddeċidiet li tagħmel xi tip ta’ rutina u għalhekk bdiet tqassam il-ħin tagħha billi taqra, tpinġi, tiżfen iż-żumba, tara xi series, tilgħab xi logħba mat-tfajliet li tgħix magġhom, isajru flimkien, tkellem lill-familjari Malta u lil sħabha kif ukoll tieħu l-opportunità u torqod xi siegħa waranofsinhar.

It-tieni ġimgħa Maria qaltilna li kienet iktar diffiċli għaliha għax fuq l-aħbarijiet bdew jaraw li n-numru ta’ persuni li qed imutu kawża tal-COVID-19 kien dejjem qed jikber u bla ma trid tibda titnissel il-biża fik jekk din hux se tmiss lilek ukoll u jekk hux se tkun kapaċi tirbaħ. ‘Bdejt nistaqsi lili nnifsi imma jien se nitlef ħajti? Imma għadni żgħira, ħa mmut ta’ 30 sena? Daqskemm għandi xewqat u ħolm li nixtieq nwettaq matul ħajti?’, kompliet tispjega Maria. Spjegat li f’dawk il-ħinijiet kien faċli li l-frustrazzjoni tirbaħ u ħafna drabi mnalla kienu l-familjari u sħabha biex għenuha tikkalma u tħossha b’saħħitha li tista’ taffronta din is-sitwazzjoni u jagħmlu kuraġġ b’xulxin.

‘Irridu nkunu pożittivi quddiem dan il-virus’

F’dawn il-ġimgħat u b’mod speċjali fit-tielet ġimgħa tal-lockdown fi Spanja, Maria rriflettiet fuq l-affarijiet pożittivi ta’ dan il-virus. Forsi ħafna huma dawk li jistaqsu imma x’jista’ jkun hemm pożittiv f’virus li qered eluf ta’ ħajjiet, nissel biża f’kull persuna tista’ tgħid madwar id-dinja u l-futur għadu wisq inċert dwar x’se jiġri u meta ħajjitna se tirritorna għan-normal.

Maria spjegat ma’ Newsbook.com.mt li permezz ta’ dan il-virus tħossha li ngħaqdet aktar ma’ dawk in-nies li kienet taf inqas, mal-ġirien u mal-Ispanjoli inġenerali. Hija tħossha magħquda magħhom f’din il-battalja u flimkien jagħmlu kuraġġ lil xulxin b’mod speċjali fiċ-ċapċipa li jagħtu ta’ kuljum mill-gallariji talgħhom lil dawk il-persuni li għadhom għaddejjin bil-ħidma tagħhom sabiex joffru servizz lil dawk kollha milquta bil-COVID-19.

Żiedet li f’dan iż-żmien kellha ż-żmien tirrifletti dwar kif kull persuna fil-blokka fejn tgħix qed tgħin u tieħu ħsieb aktar lil xulxin. Hemm min joffri li jagħmel xi xirja lil dawk li ma jistgħux joħorġu minn djarhom, min jagħti xi kelma ta’ inkoraġġiment lil ġar tiegħu u min jgħin ukoll billi jżomm ftit it-tfal. Maria spjegat li forsi dawn jidhru affarijiet żgħar imma f’dan iż-żmien ifissru ħafna. Hija kompliet li permezz ta’ din l-imxija hija kellha l-opportunità li tgħin u ssir taf mara ta’ 70 sena li tgħix waħedha u qed ikollha l-opportunità li tgħid kelma magħha. Stqarret li kieku ma kinitx għal din l-imxija żgur li ma kinitx issir tafha.

Meta se jispiċċa dan il-lockdown?

Marija kkumentat fuq il-mistoqsija li qed isaqsu ħafna ‘meta se jispiċċa dan il-lockdown? Se jerġa’ jiggrava?’ Ammetthiet li dawn il-mistoqsijiet ma tistax tweġibhom imma appellat lil kulħadd biex ikun responsabbli għalih u għal ħajjet ħaddieħor. Ħeġġet lil kulħadd biex jobdi dak kollu li qed jgħidu l-awtoritajiet u kulħadd għandu jipprova jisvoga l-enerġija tiegħu bl-aħjar mod għalih u jevita li jkompli jkisser moħħu fuq dan il-virus. Żiedet li dan iż-żmien jgħaddi wkoll u tħares biss b’sens ta’ pożittività lejn il-futur.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn