Filmat: “Nippreferi mmut fil-baħar milli nintbagħat lura l-Libja”

Il-Kaptan tal-bastiment MV Lifeline, Claus Peter Reisch, irrakkonta kif raġel mill-Bangladesh beka filwaqt li talab biex ma jintbgħatx lura l-Libja. Reisch kien qed jitkellem ma’ Newsbook.com.mt f’intervista dwar ix-xogħol li huwa jagħmel mal-għaqda mhux governattiva Mission Lifeline. Reisch kompla jgħid kif ir-raġel nieżel għar-rkuptejh quddiemu u qabadlu ma’ siequ, filwaqt li beka.

Reisch qal li wara li qalu li mhux se jagħtih lill-Awtoritajiet Libjani, u nieżel ikellimhom għal xi madwar 20 minuta.

Newsbook.com.mt staqsa lil Reisch dwar l-esperjenza tiegħu mal-Gwardjani tal-Kosta Libjani, u dwar l-esperjenzi li jisimgħu minn nies li jsalvaw. F’Ġunju li għadda l-Organizazzjoni Internazzjonali Marittima, l-IOM, li hija aġenzja tan-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxiet iż-żona tat-tfittxija u salvataġġ għal-Libja. Dan iffisser li diversi bastimenti li jaħdmu fis-salvataġġ jistgħu jkunu ordnati jmorru lura l-Libja bin-nies li jkunu għadhom kif ħarbu minn hemm.

Reisch saħaq li minkejja l-flus li l-Unjoni Ewropea tagħti lil-Libja fil-qasam tat-tfittxija u salvataġġ, l-Libja mhix pajjiż sieħeb tajjeb. Huwa rrakkonta kif darba minnhom waqt li l-Gwardjani tal-Kosta Libjana kienu qed jersqu qrib il-bastiment, semgħuhom jgħidu fuq ir-radju “ħa noqtlukom”. Huma rrekkordjaw dawn il-konverżazzjonijiet.

Meta mistoqsi biex jaqsam xi esperjenzi speċjali u x’wassal biex huwa jieħu sehem fil-missjonijiet tat-tfittxija u salvataġġ huwa wieġeb li ikun hemm mumenti bħal meta salvaw tliet ommijiet żgħar bit-trabi tagħhom u rahom rieqdin fuq is-sodod fl-emerġenza. (Il-bastiment tal-Lifeline għandu kamra tal-emerġenza) Kien hemm ukoll tifla tagħfas magħha pupu li tawulha huma stess. Huwa qal li mumenti bħal dawn jikkonfermaw għala huwa għażel li jkun parti mill-ekwipaġġ tat-tfittxija u salvataġġ ċivili.

Reisch milhux tħalla mill-Qorti Maltija jżur lill-ommu fil-Ġermanja. Ommu għadha kemm għalqet 92 sena. Huwa qal li kien importanti ħafna li huwa jkun hemm speċjalment fid-dawl li ta’ ċertu età mhux bilfors tara s-sena ta’ wara. Reisch qed jiġi akkużat li salpa b’bastiment li ma kien rreġistrat kif suppost u li ma obdiex ordnijiet li ngħata li kienu rrifjutaw li l-bastiment MV Lifeline. Il-bastiment daħal fis-27 ta’ Ġunju u fuqu kien hemm 234 persuna li kienu salvati mill-għarqa. Fil-Qorti ħareġ li tħalla jidħol fuq bażi umanitarja u mhux għax l-Awtoritajiet Maltin riedu jagħtu port sigur lill-bastiment.

Fl-aħħar seduta fil-Qorti, Reisch preżenta rikonoxximent li ngħata mill-Partit Soċjalisti Demokratiċi fil-Parlament tal-Bavarja fil-Ġermanja lill-Qorti. Huwa ngħata dan ir-rikonoxximent għall-ħidmietu fis-salvataġġ.

S’issa fil-baħar Mediterran tilfu ħajjithom 1,514 immigrant li kienu qed ifittxu ħajja aħjar.

Aqra l-intervista bl-Ingliż.