Filmat: Ninsew il-perikli meta bankina tkun ingumbrata – Scicluna

Read in English.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna qal li ħafna persuni jinsew il-perikli li jinħolqu meta l-bankini jkunu ingumbrati.

Scicluna kien qed jiġi intervistat minn Newsbook.com.mt dwar l-iżvilupp u kif dan jista’ joħloq perikli ġodda għal persuni b’diżabilità, kemm similarment għall-festi, minħabba li ċertu bankini jiġu ingumbrati, u anke l-effett li jħalli n-nuqqas ta’ spazji miftuħa fuq is-saħħa mentali ta’ dawn il-persuni.

Aqra: Filmat: Ix-xogħlijiet jostakolaw il-bankina qrib Bieb il-Bombi

Scicluna spjega kif huwa stat ta’ fatt li llum hawn ħafna xogħol għaddej fil-binjiet li jmissu mat-toroq. Qal li hemmhekk qed jinħolqu ħafna ostakli iżjed minn qabel. Filwaqt li evita milli jidħol fil-kwistjoni tal-ammont ta’ bini li qed jitla’, qal li jidħol fil-kwistjoni tal-aċċess tal-bankini. Sostna li dawn għall-ebda raġuni ma għandhom ikunu ostakolati. Hu kkonferma li ħafna mir-rapporti li jirċievu huma fuq hekk.

‘Protest ġudizzjarju kontra lukanda’

Hu kompla jgħid kif fl-aħħar ġimgħat il-Kummissjoni fetħet protest ġudizzjarju kontra lukanda minħabba li bil-periferiji ta’ fejn qed tibni hi ostakolat bankini sħaħ tal-madwar. Qal li bħal din il-lukanda, jeżistu ħafna żviluppi oħra li qed isiru. Qal li filwaqt li jifhem li jridu jkomplu jagħmlu x-xogħol tagħhom, iridu jirrispettaw li t-toroq huma tan-nies u għandhom jiġu mgawdijja minnhom. Sostna li bosta ma jirrealizzawx il-perikli kbar li jiġu suġġetti għalihom persuni li ma jistgħux jużaw il-bankini, u li dan ma jaffettwax biss lil persuni b’diżabilità. Qal li hemm bżonn iżjed infurzar bis-serjetà u li ma jħarisx lejn uċuħ.

‘Għaqdiet tal-armar li qed jieħdu inizjattivi għall-aċċessibiltà’

Scicluna spjega li hawn bosta għaqdiet tal-armar li minn jheddhom qed jieħdu inizjattivi sabiex jagħmlu l-festi fl-irħula aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.

Bosta huma dawk li matul is-snin ilmentaw hekk kif kawża tal-armar tal-festa, ma jkunux jistgħu jagħmlu użu mill-bankini u għaldaqstant jispiċċaw jimxu taħt il-bankina fil-periklu li jintlaqtu minn xi karozza.

Ma’ Newsbook.com.mt Scicluna qal li hekk kif il-Kummissjoni qed taħdem mal-għaqdiet b’mod aktar pożittiv, qed ikun hemm ċaqlieq żgħir fejn saħansitra hemm għaqdiet li minn jheddhom imorru għand il-Kummissjoni sabiex flimkien jaħdmu għal festi aktar inklussivi. Semma li meta l-Kummissjoni tirċievi xi lmenti dwar l-armar tal-festi qed tagħti ċans li tgħaddi l-festa, imbagħad tagħmel laqgħa mal-għaqda partikolari sabiex jiltaqgħu fuq il-post u jaraw kif jistgħu jaħdmu aħjar fis-snin li ġejjin sabiex ma jkun ostakolat ħadd.

“Irridu li kulħadd jipparteċipa b’mod sħiħ fil-festi” – Agius Decelis

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità Anthony Agius Decelis qal li aktar proġetti qed jiġu implimentati bħala parti mill-Fond Festi Inklussivi sabiex kull individwu jkollu ċans jipparteċipa b’mod sħiħ fil-festi.

Din is-sena kien hemm 19-il proġett magħżul mill-bord indipendenti sabiex jibbenefikaw mill-fond, fosthom is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija tal-Mosta u l-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun.

Fi stqarrija ġie spjegat li s-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta ibbennefikat minn €5,000 li permezz tagħhom din l-għaqda setgħet tagħti xandira diretta fuq it-televixin u provdiet trasport għall-anzjani fil-komunità u dawk fid-djar residenzjali tal-Mosta biex jipparteċipaw fil-kunċert li jittella’ ta’ kull sena.

Min-naħa l-oħra, l-Għaqda Mużikali San Gejtanu Ħamrun pproponiet li waqt il-kunċert mużikali tintwera l-istorja tal-patrun bil-lingwa tas-sinjali Maltija, tippubblika verżjoni bil-braille tal-istorja ta’ San Gejtanu, u li jsiru trasmissjonijiet diretti fuq Facebook. Dan il-proġett ibbenefika minn €9,000.