Filmat: Niftħu l-iskejjel, imma mhux akkost ta’ kollox – PN

Konferenza tal-aħbarijiet dwar l-edukazzjoni u l-COVID-19

Għandna nagħmlu minn kollox biex niftħu l-iskejjel tagħna imma mhux akkost ta' kollox. Irridu nagħtu s-serħan tal-moħħ lill-edukaturi, l-istudenti u l-ġenituri. Konferenza tal-aħbarijiet dwar l-edukazzjoni u l-COVID-19.

Posted by Partit Nazzjonalista on Friday, August 28, 2020

Read in English.

Għandna nagħmlu minn kollox biex jerġgħu jiftħu l-iskejjel f’Settembru, imma dan m’għandux isir akkost ta’ kollox, skont il-Partit Nazzjonalista.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliem għall-edukazzjoni tal-partit, l-MP Clyde Puli, spjega li jkun hemm bżonn 3 affarijiet biex jerġgħu jiftħu l-iskejjel, sitt xhur wara li ġew mgħaluqa minħabba l-imxija tal-Covid-19.

Puli nsista li kien hemm bżonn ta’ pjan studjat li jaħseb għal xenarji differenti, u fakkar li l-qafas ta’ dan il-pjan ilu lest xhur bis-saħħa tal-UNICEF. Però l-MP żied li għandu jkun hemm bżonn konsultazzjoni vera mas-stakeholders kollha, u li jidher ċar li sal-bidu ta’ din il-ġimgħa, din lanqas kienet għadha bdiet.

It-tielet punt, skont Puli, hu li l-imxija tal-pandemija għandha tkun taħt kontroll.

“Baqa xahar, u l-gvern irid jagħmel dak li ma rnexxilux jagħmel s’issa,” l-MP qal.

MUT tiltaqa’ mal-ministeru u l-awtoritajiet tas-saħħa

Fi stqarrija, il-Malta Union of Teachers kitbet li llum qiegħda tattendi laqgħat mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u mas-Sovritendenza tas-Saħħa Pubblika, fejn qed tiġi mgħarrfa dwar il-protokolli tas-saħħa li qed jiġu mħejjija għall-iskejjel.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-MUT kienet insistiet li l-gvern m’għandux jgħaddi romblu fuq l-edukaturi biex ilesti malajr ix-xogħol li ma kienx sar.

Il-union tħoss li dawn il-jiem huma kruċjali, u li se toħroġ il-pożizzjoni tagħha dwar il-ftuħ tas-sena skolastika biss wara li tkun evalwat is-sitwazzjoni kollha, kemm mil-lat ta’ implimentazzjonijiet ta’ miżuri kif ukoll l-imxija tal-Covid-19.

“Hekk titlob is-serjetà, il-professjonalità u r-responsabbiltà li dejjem imxiet biha l-MUT,” il-union qalet.

L-UPE tinsisti li għandha tiġi kkonsultata

Min-naħa tagħha, il-Union of Professional Educators ilmentat li filwaqt li l-ministeru u l-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin jiltaqgħu mas-stakeholders, għal darba oħra ma ġietx mogħtija l-opportunità li twassal il-ħsibijiet tal-membri tagħha.

L-union fakkret li ġiet imwiegħda kemm-il darba li l-kontribuzzjoni tagħha se tiġi mitluba, imma dan qatt ma kien qed iseħħ kull meta tittieħed xi deċiżjoni.

“Partikolarment f’dawn iċ-ċirkostanzi, bis-saħħa u l-għixien ta’ ħafna fil-periklu, il-ministeru missu għamel ċert li l-istakeholders kollha jipparteċipaw,” qalet il-UPE.