Filmat: “Niftakar lil missieri jgħidli li rrid nistudja aktar biex nieħu ħsieb lil oħti”

Għin lid-Dar tal-Providenza

Elvia għadha tiftakar kif meta kienet żgħira, missierha kien qalilha li hi trid tistudja aktar biex ‘il quddiem, tkun tista’ tieħu ħsieb lil oħtha Valerie li twieldet b’diżabbiltà. Illum Valerie toqgħod ġod-Dar tal-Providenza, fejn ħajjitha marret għall-aħjar, imma oħtha Elvia għadha tieħu ħsiebha wkoll u żżurha ta’ spiss, apparti mill-fatt li bħalissa l-pandemija tellfitha xi ftit milli tqatta’ l-ħin ma’ oħtha.

Elvia rrakkuntat kif mindu kienu żgħar, minn dejjem kienet taf li oħtha Valerie hi speċjali. Spjegat li oħtha għandha moħħha jiffunzjona tajjeb ħafna, pereżempju għandha memorja tajba u tiftakar in-numri u d-dati ta’ meta xi ħadd qribha jagħlaq sninu, u għalhekk jirnexxilha żżomm konverżazzjoni. Madankollu, Valerie hi limitata fiżikament.

Minn ċkunithom, Elvia minn dejjem kienet tieħu ħsieb lil oħtha l-kbira, li hemm sena u xahrejn bejniethom. Tirrakkonta kif, pereżempju, waqt li kienu jkunu qed jilagħbu, Elvia kienet tissuġġerixxi li jilagħbu noli minflok ħarba, minħabba l-limitazzjonijiet fiżiċi ta’ oħtha. F’noli, imbagħad, meta kien ikun imiss lil Valerie biex tgħodd u tmur tfittex lil min staħba, Elvia kienet iċċedilha u tagħmel dan hi.

Elvia Valerie Dar tal-Providenza

“Fid-Dar tal-Providenza ma jonqosha xejn”

Omm iż-żewġ nisa kienet tieħu ħsieb lil Valerie hi, iżda xi snin ilu, taha attakk tal-qalb u ma baqgħetx tista’ tagħmel dan. Kien għalhekk li Valerie marret toqgħod ġod-Dar tal-Providenza, fejn, skont oħtha, ħajjitha tjiebet għax tħossha maħbuba, hi għal qalbha u ma jonqosha xejn. Ilha tmur hemmhekk mill-2007.

Il-pandemija affettwat lil Valerie mhux ħażin, għaliex tħoss ħafna n-nuqqas taż-żjarat ta’ familtha u l-ħarġiet li kienu joħorġuha.

Oħtha tiddeskriviha bħala persuna li jimpurtaha ħafna mill-oħrajn. Issemmi kif meta daħlet ir-regola li l-maskra għandha tintlibes kullimkien, Valerie ċemplet lil oħtha biex taċċerta ruħha li din qed tilbisha, u saħansitra li anke l-kelb qed jilbisha!

Elvia għandha kliem ta’ tifħir għad-Dar tal-Providenza. Qalet li rat lil ħajjet oħtha tmur għall-aħjar, b’mod partikolari permezz tal-interazzjoni man-nies li jkollha fid-Dar. Għenitha kemm mil-lat ta’ attività fiżika, ngħidu aħna bil-pixxina terapewtika li għandha d-Dar, kif ukoll mil-lat soċjali, billi r-residenti jinħarġu regolarment mill-carers, u anke jtellgħu attivitajiet bħal drammi tal-Milied.

Kif tista’ tgħin?

Il-maratona annwali tad-Dar tal-Providenza se ssir fl-1 ta’ Jannar bl-isem Festa ta’ Ġenerożità.

Bħal kull sena, il-festa se tkun trażmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni bejn nofsinhar u nofsillejl. Il-pubbliku se jkun jista’ jagħti donazzjoni billi jċempel fuq in-numri li se jidhru, u min jixtieq jagħmel pleġġ jista’ jċempel fuq numru tal-posta, bid-donazzjoni tagħhom tintbagħat online jew bil-posta.

Wieħed jista’ jibgħat id-donazzjoni tiegħu b’wieħed minn dawn il-mezzi mil-lum sal-ewwel tas-sena. Id-donazzjonijiet li se jidħlu mil-lum sal-ewwel tas-sena se jkunu inklużi fis-somma totali li titħabbar fi tmiem il-maratona.

  • €10         51602012
  • €15         51702013
  • €25         51802014
  • €50         51902085
  • SMS €7   50618922
  • BOV Mobile  79324834
  • Paypal 79324834

Wieħed jista’ jibgħat id-donazzjoni tiegħu permezz ta’ ċekk f’dan l-indirizz:

Id-Dar tal-Providenza
Triq Lapsi
Is-Siġġiewi  SGW2822

103 Malta’s Heart illum għandu maratona ta’ 30 siegħa b’risq id-Dar tal-Providenza, ippreżentata minn Arthur Caruana, Ron Briffa u Ian Busuttil Naudi.