Filmat: Nifs – kanzunetta ġdida ta’ Mistura

Id-duo lokali Mistura għadu kif ħabbar it-tnedija ta’ kanzunetta ġdida bl-isem “Nifs”, li hija l-ewwel waħda wara l-album Regħbus li ħareġ fl-2018. B’tema sajfija, Mistura jiddeskrivu dan l-istaġun partikolari tal-2020 bħala “nifs bejn mewġa u oħra”.

“Intqal ħafna dwar dak kollu li qiegħed jiġri madwarna din is-sena straordinarja, u aħna m’għandna xi nzidu xejn ħlief li forsi noħolqu ftit ironija mis-sitwazzjoni preżenti b’din il-kanzunetta li nisperaw li tintgħoġob.”

Mistura ddebuttaw fl-2012 fil-festival tal-Għanja tal-Poplu fejn ħadu l-premju WAFA għall-aqwa talent ġdid. Minn dak iż-żmien ’l hawn huma daqqew f’diversi postijiet, fosthom Rock the South, Teatru Unplugged, il-Farsons Great Beer Festival, l-Evenings on Campus, Notte Bianca u Kotra. Mistura ħarġu żewġ studio albums li huma “U d-Dinja Tkompli Ddur” (2014) u “Regħbus” (2018) flimkien ma’ album live ta’ kunċert fl-2016 bl-isem “U l-Kotra Għajtet f’Daqqa”.