Filmat: “Nifhem ir-rabja tan-nies fuq il-Miżieb u l-Aħrax” – Il-Ministru

Read in English.

Il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia qal li jifhem ir-rabja li qed iħossu n-nies fuq il-ftehim mal-FKNK fuq l-għoti tal-art tal-Miżieb u l-Aħrax, iżda huwa kommess li jkun hawn aktar żoni pubbliċi f’Malta.

Dan qalu hu u jiġi intervistat mill-Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart ilbieraħ.

Fil-programm tal-bieraħ ġie diskuss il-ftehim tal-Gvern mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) sabiex dawn jieħdu ħsieb il-Miżieb u l-Aħrax. Dan il-ftehim, li ġie ffirmat mingħajr stedina lill-ġurnalisti, qajjem furur kbir fost l-ambjentalisti u l-pubbliku inġenerali billi dawn qed jargumentaw li l-ftit spazji naturali pubbliċi li fadal f’Malta qed jitnaqqru kulma jmur u jkomplu jiġu privatizzati.

Il-preżentatur Prof. Azzopardi qal lill-Ministru Farrugia li mhuwiex konvint li dan jaqbel ma’ dan il-ftehim, imma jissuspetta li saritlu pressjoni għall-qbil tiegħu. Il-Ministru wieġeb li fil-politika wieħed ma jistax jikkuntenta lil kulħadd.

Huwa spjega li sar ftehim ieħor bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-FKNK li ffirma hu, li jgħid li l-FKNK trid tieħu ħsieb iż-żona. Żied jgħid li l-ispazji pubbliċi fil-Miżieb u l-Aħrax, bħaż-żoni fejn isiru l-pikniks u l-ikkampjar, għadhom aċċessibbli għall-pubbliku.

Taħt il-PN il-ftehim ikun dikjarat null – Thake

Id-Deputat Nazzjonalista David Thake qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista mhu kontra l-ebda delizzju, bħall-kaċċa, mhuwiex aċċettabbli li medda t’art daqshekk kbira tingħata lil lobby partikolari. Qal li hu personalment ma jaqbilx ma’ dan.

Stqarr li l-PN għandu xi oġġezzjonijiet għal dan il-ftehim.

Magħfus minn Prof. Azzopardi dwar x’jagħmel il-PN kieku kien qed jaffaċċja din is-sitwazzjoni waqt li kien qed jiggverna, Thake qal li l-PN kieku jiltaqa’ mal-ishma kollha u jipprova jilħaq kompromess. Qal ukoll li f’dan l-istadju, il-PN ma jistax jagħti tweġiba diretta, imma ddikjara li taħt il-PN il-ftehim ikun dikjarat null.

Il-Gvern wera li l-uniku interess tiegħu hu li jikkuntenta parti mis-soċjetà – Dr Bonello

L-avukata u ambjentalista Dr Claire Bonello qalet fl-istess programm li b’dan il-ftehim, il-Gvern wera li l-uniku interess tiegħu hu li jżomm parti mis-soċjetà kuntenta, anke bi ħsara għall-kwalità tal-ħajja u għall-ambjent. Hi spjegat li mhumiex biss l-organizzazzjonijiet ambjentali li qed jopponu dan il-ftehim, imma s-soċjetà inġenerali.

Dr Bonello żiedet tgħid li huwa minnu li l-kaċċa titqies passatemp, iżda hu minnu wkoll li din il-federazzjoni qed tisraq in-natura mingħand il-pubbliku. Ikkummentat li sfortunatament, Malta għandha Gvern li jisraq art pubblika, u Oppożizzjoni li ma tikkommettix ruħha li taffaċċja s-sitwazzjoni.

“Huma dejjem il-ġenerazzjonijiet iżgħar li se jitilfu partijiet mis-sbuħija tan-natura,” temmet tgħid l-avukata.

L-ambjentalisti mhumiex grupp kbir li jista’ jagħmel pressjoni – Sultana

Mark Sultana, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, qal fil-programm li l-ambjentalisti mhumiex grupp kbir ta’ llobbjar li jista’ jeżerċita pressjoni fuq il-Gvern. Il-BirdLife kienet voċifera ħafna fuq din il-kwistjoni u qalet li għal darb’oħra, il-Gvern qed jikkuntenta lill-kaċċaturi.

Sultana spjega kif l-ambjent jinkludi spettru sħiħ ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu ffaċċjati, mentri għall-grupp tal-kaċċaturi huwa ħafna aktar faċli li tgħid li jekk ma jitħallewx imorru għall-kaċċa, dawn ma jivvutawx għall-politiċi inkwistjoni.

Hu tenna li dan il-ftehim hu aċċettabbli għax art kbira qed tingħata lil madwar 300 kaċċatur, filwaqt li l-kumplament tal-popolazzjoni tiċċaħħad milli tgawdi n-natura.

 

X’taħseb fuq din il-kwistjoni?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt