Filmat: Nies bla dar għax tkabbir ekonomiku mhux qed jilħaq lil kulħadd – Fabri

Hemm fatturi varji li jistgħu iwasslu għal persuni jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, però dawn jinkludu wkoll tkabbir ekonomiku li m’huwiex qed jilħaq lil kulħadd, skont l-ekonomista Stephanie Fabri.

Fabri, li hi lettur fl-Università ta’ Malta, ġiet mistoqsija fuq kif nies jibqgħu jispiċċaw bla dar anke fi żmien ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu mill-preżentatur u akkademiku Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart. F’intervent qasir, fakkret li l-ekonomija m’hijiex biss kwistjoni ta’ numri, iżda li fl-aħħar mill-aħħar hi magħmula min-nies.

Però żiedet ukoll li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, ikun hemm tlett fatturi relatati: l-ekonomija, is-soċjetà u l-individwu. Individwi li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom, spjegat Fabri, jaf ikollhom problemi personali bħal vizzji, problemi fl-immaniġġjar tal-finanzi personali tagħhom u anke diffikultà biex jitolbu jew jaċċettaw l-għajnuna tal-oħrajn. Sitwazzjonijiet personali – bħal separazzjoni jew divorzju – jistgħu ukoll iwasslu persuni għall-faqar.

Fuq livell soċjetali, żiedet tgħid Fabri, persuni jistgħu jaffaċċjaw nuqqas ta’ inklużjoni jew opportunità li żżommhom lura milli jwettqu l-potenzjal tagħħom.

Pagi baxxi għal xogħol bla sengħa, pagi għoljin f’ċertu setturi

Il-persistenza ta’ ċertu problemi soċjali minkejja t-tkabbir ekonomiku hu sinjal li dan it-tkabbir ma kienx qed jilħaq lil kulħadd, u Fabri żiedet li hemm ukoll il-kwistjoni ta’ inugwaljanza.

Għalkemm dan hu fenomenu normali, Malta rat setturi ekonomiċi li qed jikbru b’pass ferm aktar mgħaġġel minn oħrajn, u min jaħdem f’dawn is-setturi – li ġeneralment ikunu knowledge-based – jista’ jara l-pagi jogħlew ferm. Min-naħa l-oħra, hemm setturi li staġnaw, peress li t-tkabbir ekonomiku qed jiġi ġġenerat minn setturi oħra.

Però Fabri żiedet ukoll li fejn jidħlu xogħlijiet bla sengħa (unskilled labour), il-pagi qed jinżammu baxxi, anke permezz tal-ingaġġ ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi. B’hekk Maltin li jagħmlu dawn ix-xogħlijiet ukoll qed jaraw il-pagi tagħhom isofru.

Għin int ukoll biex toħloq kuxjenza dwar in-nies bla saqaf fuq rashom. Ikteb fuq il-Facebook jew xi platform ieħor tal-media soċjali u għamel link għal dan l-artiklu. Forsi titħajjar ukoll mill-impjegati ta’ Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart u taqbad l-ismart phone tiegħek u tagħmel messaġġ qasir bil-video.

Dan l-artiklu huma parti mill-kampanja ta’ Newsbook.com.mt u 103 ‘Ma Kienx Hemm Post Għalihom fil-Lukanda’.