Filmat: Nibnu fuq li jgħaqqad; nirrikonoxxu l-ħażin – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Malta għandha tibni fuq dak li jgħaqqad filwaqt li xorta tirrikonoxxi dan li huwa ħażin.

Dan qalu fil-messaġġ tiegħu għall-Ewwel tas-Sena.

Delia beda l-messaġġ tiegħu billi qal li l-2019 ma kinetx sena faċli għal Malta.

Qal li “kienet sena fejn pajjiżna għadda minn ħafna u għadu għaddej minn ħafna mumenti diffiċli fejn dak kollu illi jiddeskrivi n-normalità f’pajjiżna ġie mhedded u mheżżeż u lkoll kemm aħna qed nippruvaw naraw kif insibu t-tama li nimxu ‘l quddiem.”

“Meta niġu biex nitħaddtu fl-aħħar tas-sena niflu, naraw, neżaminaw, inqisu u niżnu dak kollu li ġara f’din is-sena, u naħseb li pajjiżna din is-sena għadda minn kollox, imma jrid ikollna issa l-abbiltà li mhux biss bħala nazzjon imma bħala poplu, bħala Maltin, bħala Għawdxin u bħala barranin li jgħixu f’pajjiżna niġu flimkien biex l-inċertezzi li kellna u d-dubji li kellna, dak kollu li konna imdorrijin fih, li kienet in-normalità tagħna li ġiet prattikament imkissra rridu bil-mod flimkien, bħala poplu, nerġgħu nibdew nibnu mill-ġdid u dan huwa l-awguri tiegħi tal-ewwel tas-sena li jkollna l-abbiltà li l-politika, għaliex dan huwa messaġġ politiku bħala politiku, nużawha biss għas-servizz tan-nies, irridu ninżgħu dak kollu li jifridna, naħdmu u nibnu fuq dak kollu li jgħaqqadna, rridu nirrikonoxxu fejn kien ħażin.”

Delia kompla jgħid li dawk kollha li b’xi mod jew ieħor iridu jerfgħu r-responsabbiltà jridu jerfgħuha mhux għalihom infushom biss imma għal Malta, jgħarrfu dak li għamlu u jħarsu ‘l quddiem biex b’rikonoxximent ta’ dak li sar iridu jsibu t-tifsira ta’ fejn jistgħu jagħtu lil pajjiż”.

Filmat: PN