Filmat: Nhar il-Ħadd aħseb fit-tfal, fir-refuġjati u f’dawk bil-vizzju tad-droga

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=_VMjEfpLRdo]

Il-Knisja f’Malta se tfakkar Jum il-Karità nhar il-Ħadd li ġej.
Fi tmiem din il-ġimgħa se jsir ġbir fil-knejjes kollha waqt il-quddies tas-Sibt filgħaxija u tal-Ħadd.
B’dawn il-flus se jiġu megħjuna diversi persuni li jirrikorru għall-għajnuna fid-djar jew fl-entitajiet tal-Knisja f’Malta.
Se jibbenefikaw mid-donazzjonijiet, it-tfal u ż-żgħażagħ b’diffikultajiet serji fit-trobbija, vittmi ta’ vjolenza domestika, il-persuni b’diżabilità, l-immigranti u r-refuġjati, l-anzjani, il-familji fil-bżonn, in-nisa li jaqgħu fil-prostituzzjoni u l-persuni bil-vizzju ta’ droga u dawk bla dar.
Fi stqarrija, il-Kurja qalet li b’dawn id-diversi djar u ħidmiet ta’ karità, il-Knisja f’Malta tilqa’ u taqdi lil dawk fil-bżonn, irrispettivament mir-razza, kulur tal-ġlida jew twemmin.
Kif jisħaq kemm-il darba l-Arċisqof Charles Scicluna, b’hekk il-Knisja tassigura li l-Bxara t-Tajba tasal għand kull bniedem b’ħidma konkreta.
Kull offerta miġbura mill-parroċċi u anke permezz tal-rivista ‘Flimkien’, hija wkoll apprezzament lejn dawk l-impjegati u l-voluntiera li jagħtu servizz f’waħda mid-djar ta’ karità tal-Knisja.
Il-flus li jinġabru se jitqassmu fost dawn l-entitajiet: Caritas, id-Dar tal-Providenza, id-Djar tat-Tfal, id-Djar tal-Anzjani, il-Kummissjoni Emigranti, il-Laboratorju tal-Paċi, il-Jesuit Refugee Service, St Jeanne Antide Foundation, is-Segretarjat Assistenza Soċjali, Millenium Chapel, Paolo Freire Insititute, Dar Merħba Bik, Dar Qalb ta’ Ġesù, Dar Osanna Pia, Dar Frate Jacoba, Djar Suret il-Bniedem.
Jum il-Karità qed isir b’inizjattiva tas-Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità, fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Is-Segretarjat ħejja wkoll filmat li qed jixxerred fuq il-mezzi soċjali, dwar id-diversi ħidmiet ta’ karità li l-Knisja hi impenjata fihom. Dan bil-għan li jikber l-għarfien dwar din ir-realtà.