Filmat: “Ngħinu familji jagħtu tmiem diċenti lill-anġli tagħhom”

Candace Vella Bencini fl-2015 sabet post fuq Facebook dwar nies li jagħtu l-libsa tat-tieġ tagħhom biex isiru lbiesi għal trabi li jkunu ħallew din id-dinja kmieni wisq.

“Peress li kont omm ta’ erbgħa dak iż-żmien ħsibt kemm kien diffiċli bħala ġenitur li ngħaddi minn esperjenza sfortunata daqshekk u staqsejt jekk hawn Malta kellniex organizzazzjoni bħal din biex nipprovdu ħwejjeġ bħal dawn u noffru daqstant appoġġ lil il-ġenituri mnikktin,” qalet ma’ Newsbook.com.mt.

Candace għamlet kuntatt mal-ħabiba tagħha Natasha Micallef, li hija qabla f’Mater Dei, u staqsiet jekk għandniex xi ħaġa simili f’Malta. It-tweġiba tagħha kienet le.

“Tant ħassejtni mnikkta li minnufih ħadt id-deċiżjoni li nibda organizzazzjoni biex nipprovdu servizz bħal dan lill-isptar lokali tagħna li jirriżulta f’appoġġ tal-ġenituri wkoll,” qalet Candace, “Il-kwistjoni ewlenija tiegħi kienet li ma kontx naf kif inħit! Bilkemm kont naf inħit buttuna, aħseb u ara ħwejjeġ. Lanqas kelli magna tal-ħjata.”

Allura, Candace tkellmet ma’ missierha li taha magna tal-ħjata u wriha kif tħaddimha. Ħabiba tagħtha libsa tat-tqarbin u libsa tal-bizzilla u allura kellha  biex taħdem.

Candace bdiet ukoll paġna fuq Facebook imsejħa Dress an Angel – Malta fejn talbet għal ħajjata biex jgħinuha, kif ukoll nies biex jagħtu l-ilbies tat-tieġ, tal-bridesmaids jew ilbiesi tal-Ewwel Tqarbina tagħhom.

Minn dan il-bidu umli Candace issa għandha ruxxmata ta’ ħajjata biex jgħinuha, li waħda minnhom, Sabrina Debono, għadha kemm spiċċat il-ħjata ta’ ’l fuq minn 60 libsa.

“Ma nkunx nista’ nlaħħaq waħdi,” tgħid Candace, “Grazzi għalihom, il-ħin u d-dedikazzjoni ġenerużi tagħhom li ħloqna meravilji bħal dawn. Għandhom tassew talenti u kollha jaħdmu minn qalbhom. Għandi wkoll dejn ta’ gratitudni lil dawk  in-nisa ġenerużi li taw l-ilbiesi sabiħ tagħhom. Huwa sforz sħiħ ta’ tim.”

Candace tgħid li tirċievi bosta messaġġi privati ​​minn ġenituri bi stampi tat-tarbija tagħhom f’waħda mill-ilbiesi tagħhom u b’nota ta’ apprezzament li sabu faraġ b’dawn  l-ilbies fi żmien tant diffiċli għalihom.

“L-għan ewlieni tagħna huwa li nipprovdu appoġġ għall-familji billi ngħinuhom jagħtu lill-anġli tagħhom tmiem  diċenti. Messaġġi bħal dawn iġegħluni naħdem iktar u nwassal l-aħjar għalihom,” temmet tgħid Candace.

Intervista: Coryse Borg; Traduzzjoni: Frederick Zammit