Filmat: “Ngħid x’se nagħmel iktar ’il quddiem” – Robert Abela

Il-Membru Parlamentari Laburista Robert Abela ma kkommettiex ruħu dwar jekk hux se jikkontesta għal mexxej tal-Partit Laburista.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, hekk kif kien għadu kif ħareġ mill-Ministeru ta’ Chris Fearne, Robert Abela insista li “f’dan il-mument m’għandix kummenti x’nagħmel. Iżjed ’il quddiem nagħmel iżjed kummenti. Nagħmel l-intenzjonijiet aktar ċari aktar ‘il quddiem”.

Illum, Robert Abela tella’ post fuq Facebook fejn iddikjara “li ma jien lest nipparteċipa f’ebda patt imxajtan li bih nixtri xi siġġu komdu għalija, u nbigħ lil pajjiżi u lill-Partit Laburista u l-Laburisti ġenwini, kollox mgħotti wara l-iskuża falza tal-għaqda”.

Din id-dikjarazzjoni iebsa ta’ Robert Abela ttieħdet minn osservaturi bħala dikjarazzjoni ċara li huwa mhux bi ħsiebu jkun parti mit-tentattiv li qed isir biex ma jkunx hemm kontestazzjoni għall-elezzjoni għall-mexxej tal-Partit Laburista.

Skont dan il-pjan jekk ikun hemm kandidat wieħed biss, allura ssir elezzjoni malajr u Joseph Muscat jista’ jispiċċa minn mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru qabel il-Milied.